Esperti mħassba bil-problemi fis-snien tat-tfal Maltin | One News

Notifiki

Esperti mħassba bil-problemi fis-snien tat-tfal Maltin

Studju ta’ esperti li kien ippubblikat fi Xjenza Online, il-ġurnal tal-Kamra tax-Xjentisti Maltin, wera tħassib bil-livell ta’ problemi fis-snien tat-tfal Maltin. L-istudju analizza iktar minn 2,500 tifel u tifla ta’ etajiet li jvarjaw bejn it-tliet snin u l-15–il sena u kkonkluda li l-problema ta’ dik magħrufa bħala erosive tooth wear hija xi ħaġa li dehret b’mod għoli fost it-tfal li jattendu l-iskejjel. Dan it-terminu jirreferi għall-“attakk” fuq is-sinna ħafna drabi kkawżat minn aċti li jiġu minn ħlewwiet u xarbiet ħżiena għas-saħħa u mimlija zokkor li eventwalment iwassal għal uġigħ u biex is-snien jitħassru.

L-awturi tal-istudju huma sitta u ġejjin mill-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei b’dak li għamlu huma huwa l-ewwel stħarriġ tat-tip tiegħu f’pajjiżna. Għalkemm f’pajjiżi oħra studji simili saru diversi drabi tant li ssir referenza għalihom ukoll. Fuq kollox fl-etajiet diversi magħquda f’daqqa nstab li l-preżenza ta’ snien mhux f’saħħa tajba nstabet f’71% tat-tfal Maltin.

It-tfal kienu maqsuma f’katergoriji differenti. Dawk ta’ tliet snin, dawk ta’ ħames snin, dawk ta’ tmien snin, dawk ta’12–il sena u dawk ta’ 15–il sena. L-istudju, li huwa wieħed tekniku ħafna, janalizza wkoll x’impatt għandha d-demografija u l-fatturi soċjoekonomiċi fuq ir-riżultat aħħari. Biex sar l-istudju saru żjarat u testijiet fl-iskejjel waqt il-ħinijiet tal-iskola filwaqt li l-ġenituri u fil-każ ta’ studenti ikbar, it-tfal, intalbu jwieġbu kwestjonarji.

Intqal li dan l-istudju għandu jgħin lil min ifassal il-politika biex jippjana interventi aħjar u juża r-riżorsi skont dak li rriżulta.

Fil-maġġoranza tal-etajiet ma kinitx innotata differenza bejn il-qagħda fi snien studenti subien u dawk bniet, għalkemm eċċezzjoni kienet l-età ta’ tmien snin fejn kienu nnotati iktar problemi fi snien is-subien milli f’tal-bniet. Id-differenza għamlitha t-tip ta’ skola li l-istudenti jattendu, fejn fl-iskejjel pubbliċi kienu nnotati iktar diffikultajiet, bl-istudju jgħid preċiżament hekk: “The type of school attendent by the subjects was found to be statistically significant for both 8 and 15 year old age groups in relation to the incidence of erosion observed, the latter being highest for students attending public schools and lowest reported in students attending independent schools.”

B’mod konsistenti kienet innotata problema ikbar fost tfal li għandhom piż żejjed. Naturalment dan konsegwenza tal-fatt li dieta ħażina tinkludi wkoll dawk l-elementi li mhumiex tajbin għal qagħda ta’ snien b’saħħitha. Fejn l-omm għandha livell ta’ edukazzjoni ogħla kien innotat li hemm sitwazzjoni ta’ saħħa ta’ snien aħjar.

Statistikament kienet innotata wkoll relazzjoni bejn il-livell fit-tħassir tas-snien u x-xogħol li jagħmel dak li hu meqjus bħala breadwinner tal-familja. Xi ħaġa li partikolarment dehret fost tfal fl-età ta’ tmien snin. Fis-sezzjoni tad-diskussjoni jingħad b’mod ċar: “This study found an association between the parental occupation and eroision experience.”

Il-parteċipanti fl-etajiet minn tmien snin ’il fuq kienu mitluba jwieġbu dwar kif jaħsbu li hi s-sitwazzjoni tas-saħħa tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam il-ħalq u s-snien. Kien innotat li l-ogħla persentaġġ f’kull kategorija qalu li s-sitwazzjoni hi tajba, segwiti minn dawk li qalu li hi tajba ħafna jew medja. Ftit kienu dawk li qalu li għandhom sitwazzjoni ta’ saħħa ta’ snien fqira jew ħażina ħafna. L-istudju juri li fil-maġġoranza tal-kategoriji din hi perċezzjoni żbaljata. “Possibbilment tindika li l-pazjenti li qed isofru minn tħassir ta’ snien mhumiex konxji jew ma japprezzawx il-problema,” jiktbu l-esperti fir-riċerka tagħhom.

Finalment l-istudju jgħid li jekk xejn juri l-bżonn ta’ programmi pubbliċi ta’ saħħa li jinkludu firxa wiesgħa tas-soċjetà fejn jissemmew b’mod partikolari dawk li jaħdmu fiċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal, ħaddiema soċjali u dawk li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u li għandu jsir sforz biex it-tfal ikollhom dieta aħjar filwaqt li jieħdu l-kura meħtieġa.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend