Sewwieq ta’ trakk Malti jista’ jgħoddha b’waħda wara li għall-ħabta tal-ħamsa tas-Sibt filgħaxija nqaleb bi trakk tal-merkanzija f’autostrada ewlenija fi Sqallija.
Rapporti fil-midja Sqallija rrapportaw li x-xufier Malti ndarab ħafif wara li għal xi raġuni tilef il-kontroll tat-trakk, baqa’ dieħel fi blokki tal-konkos li jifirdu l-karreġġjati tal-autostrada u temm il-vjaġġ tiegħu maqlub fuq ġenb fuq in-naħa l-oħra tat-triq. B’xorti tajba ħadd ma kien ġej mid-direzzjoni opposta.
Ix-xufier li jaħdem ma’ kumpanija lokali li ġġorr merkanzija għal supermarkets ewlenin f’Malta, kien qed isuq fl-autostrada li minn Siracusa tagħti għal Cassibili.
Il-Malti ngħata l-ewwel għajnuna minn persuni li kienu qed isuqu warajh. Fuq il-post issejħu żewġ ambulanzi, bil-Malti li għadu ma ġiex identifikat jittieħed għall-kura fl-Isptar Umberto 1 f’Siracusa. Siti tal-aħbarijiet Sqallin irrapportaw li x-xufier ħelisha bi ġrieħi ħfif.
Filmat imxandar fuq il-midja soċjali juri d-dinamika tal-inċident bil-vettura kbira maqluba min-naħa għall-oħra tat-triq. It-trakk ġarrab ħsarat kbar bil-merkanzija li kienet tinkludi ħafna frott u ħaxix tispiċċa mxerrda f’nofs ta’ triq. Kawża tal-inċident inħolqot konġestjoni kbira ta’ traffiku bl-autostrada tagħmel sigħat magħluqa miż-żewġ direzzjonijiet.
B’reazzjoni għal dan l-inċident kienu bosta l-Isqallin li kkummentaw dwar is-sewqan tax-xufiera Maltin fi Sqallija. Saħansitra wieħed minnhom stqarr li f’nofs din il-ġimgħa, xufier Malti ġiegħel lit-triq tibki minħabba l-veloċità kbira li kien qiegħed isuq biha.