Il-karozza li taħtha tpoġġiet il-bomba hija ta’ Mario Scicluna allegatament magħruf bħala x-Xigi. Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li Scicluna huwa negozjant.
One News jinsab informat li kien għall-ħabta tas-sitta u nofs tal-Ħamis filgħaxija li l-Pulizija ġiet mgħarrfa li nstema’ ħoss stramb fi Triq Sant Antnin fil-Fgura. Kien propjru dan il-ħoss li qajjem suspett li seta’ kien hemm bomba ma’ karozza tal-għamla Mitsubishi Shogun.
Fi Stqarrija kmieni dalgħodu l-pulizija kkonfermat li minn tfittxija li saret mis-sezzjoni tal-Explosive Ordinance Unit irriżulta li taħt il-karozza kien hemm splussiv biswit vettura tal-għamla Mitsubishi Shogun. Mal-wasla tal-Pulizija għalqet it-triq u ssejjħu l-membri tal-Explosive Ordinance Department fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta. Kien hawn fejn bdiet ħidma li permezz tagħha tneħħa kull tip periklu li kien hemm mal-karozza.
Il-karozza li biswit tagħha nstab l-isplussiv ittieħdet fil-compound tal-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet.
L-istess sorsi spjegaw li bħalissa għaddejja operazzjoni sensittiva li se tagħti aktar informazzjoni dwar il-każ. Jidher ukoll li l-bomba li ntużat f’dan il-każ hija differenti minn dik li ntużat fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.
Intant fi stqarrija l-Gvern ta ħajr u l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-forzi tal-ordni li l-Ħamis filgħaxija kienu impenjati f’operazzjoni biex ineħħu kull periklu minn dik li l-ewwel indikazzjonijiet juru li hija bomba li tpoġġiet fil-Fgura u li ma ħaditx.
Il-Gvern qal li huwa impenjant biex min kien responsabbli ta’ dan l-att infami u kodard, li seta’ kellu konsegwenzi mill-aktar gravi saħansitra anke għal persuni terzi, irrispettivament tal-persuna jew persuni li kienu fil-mira. Il-Gvern qal ukoll li l-forzi tas-sigurtà se jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex anke dan il-każ jiġi riżolt.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr. C. Scerri Herrera ħiet infurmata bil-każ u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.