Immultat wara li ppoża ta' parker | One News

Notifiki

Immultat wara li ppoża ta’ parker

Transport Malta laqgħet b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li ħadet il-Qorti, deċiżjoni li ssostni l-ħidma tal-Awtorita’ u tal-Pulizija biex jipproteġu lis-sewwieqa fil-parkeġġi pubbliċi.  Il-Maġistrat Joe Mifsud immulta persuna mhux liċenzjata li ppożat ta’ parker f’parkeġġ pubbliku fil-Belt Valletta, ħames mitt ewro, il-massimu li tippermetti l-liġi, u ċaħħdu milli jersaq f’din iż-żona għal perjodu ta’ sitt xhur.  Jekk jinqabad hemm jista’ jeħel il-ħabs.

Dan l-individwu mhux liċenzjat imma ppoża ta’ parker u m’għandux it-tag ta’ Transport Malta, minkejja dan kien qed jiffastidja lis-sewwieqa biex ituħ il-flus. L-uffiċjali ta’ Transport Malta talbuh kemm-il darba biex jieqaf jagħmilha ta’ parker imma hu qatt ma ta widen.  L-Awtorita’ spjegat li fetħet żewġ kawżi kontrih imma dan injora l-ordnijiet tal-qorti u baqa’ jippersisti.   Fi stqarrija Transport Malta qalet li ġabret aktar evidenza u fetħitlu kawża oħra, li nqatgħet dalgħodu.  Il-Qorti bagħtet messaġġ qawwi fejn ikkonfermat il-ħidma tal-Awtorita’ u tal-Pulizija biex ma jkunx hemm abbużi f’parkeġġi pubbliċi,  fejn xi individwi jagħżlu li jiffastidjaw lis-sewwieqa biex jiġbru l-flus.   Transport Malta tieħu dawn ir-rapporti bis-serjeta’ u żiedet il-ħidma tagħha kontra prattiċi illegali f’parkeġġi pubbliċi. Fil-fatt l-Awtorita’ ser tieħu azzjoni bil-Qorti kontra żewġ individwi oħra li wettqu offiżi simili f’parkeġġi pubbliċi oħra.   Is-sewwieqa jistgħu jipparkjaw f’parkeġġi pubbliċi bla ħlas, il-parkeġġi jintgħarfu mit-tabelli mwaħħla minn Transport Malta. Inħeġġu lil kull min jiltaqa’ ma’ xi abbuż  biex jirraporta fuq il-freephone 80072393.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend