Figuri pożittivi dwar il-Posta Maltija | One News

Notifiki

Figuri pożittivi dwar il-Posta Maltija

Tlieta u tmenin fil-mija tan-negozji Maltin huma sodisfatti bil-kwalità tas-servizz inġenerali pprovdut mill-posta Maltija. Dan ħareġ minn stħarriġ li wettqet l-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni u li ġie ppubblikat fil-jum tal-Ġimgħa.

Mill-istħarriġ li sar fost kważi erba’ mitt parteċipant bejn April u Mejju tas-sena l-oħra ħareġ ukoll li wieħed u tletin fil-mija ma kienux konxji ta’ kemm nefqu fuq servizzi postali. Tlett kwarti ta’ dawk li rrispondew għal dan l-istħarriġ qalu li rċivew l-istess numru ta’ ittri f’sena daqskemm irċivew fis-sena li sar stħarriġ ieħor fl-elfejn u erbatax.

Dwar iż-żmien biex tasal ittra, tmienja u ħamsin fil-mija qalu li jaħsbu li ittra għandha tasal l-għada li tiġi mpustata. Fid-dawl li l-posta titqassam fuq medda ta’ sitt ijiem, jiġifieri mit-Tnejn sas-Sibt, erbgħa u erbgħin fil-mija ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ kienu pożittivi dwar dan.

Meta mqabbel mal-elfejn u erbatax, kien hemm żieda ta’ ħdax fil-mija li kienu pożittivi. Dwar l-ilmenti, tmienja fil-mija biss qalu li rreġistraw ilment ta’ darba u mhux regolari minħabba fost l-oħrajn telf ta’ posta jew tqassim żbaljat.

Intant fi stħarriġ separat li sar fost in-negozji medji u kbar ħareġ li n-negozji l-kbar jibagħtu aktar pakketti min-negozji żgħar. Fl-istess stħarriġ sar magħruf li n-negozji kbar għandhom tendenza jużaw aktar is-sit elettroniku tal-MaltaPost min-negozji ż-żgħar.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend