Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Dr Charmaine Guaci qalet li fl-aħħar jiem ġiet irrappurtata rata ta’ tlieta u disgħin każ ta’ influwenza għal kull elf persuna.
Hija fissret din ir-rata bħala waħda għolja meta mqabbel mal-medja ta’ snin oħra. Qalet kif f’Malta l-qofol tal-istaġun tal-influwenza beda fil-bidu ta’ Diċembru, ġimgħat qabel mistenni.
Gauci qalet li “Qegħdin naraw li disgħa minn kull mitt persuna li qed tmur għand it-tabib għal kwalunkwe raġuni proprju qed ibati b’influwenza, din is-sitwazzjoni rajniha minn nofs Diċembru u għalhekk aħna qegħdin fil-peak, qed nistennew li nibqgħu għaddejjin għal numru ta’ ġimghat oħra infatti s-sena l-oħra rajna li l-influwenza bdiet nieżla lejn l-aħħar ta’ frar”Dan irriżulta skont programm ta’ monitoraġġ għall-influwenza li jsir mid-direttorat għall-promozzjoni tas-saħħa u prevenzjoni tal-mard b’kollaborazzjoni mat-tobba tal-familja f’pajjiżna.
Dr Gaucei qalet li l-istaġun tal-influwenza f’pajjiżna għad baqagħlu diversi ġimgħat u ħeġġet lill-pubbliku biex jilqa’ għaliha b’għadd ta’ prekawzjonijiet fosthom ħasil tal-idejn b’mod regolari.
Gauci sostniet li “għalhekk huwa importanti li dawk in-nies li jkunu ma jifilħux ma jmorrux xogħol jew it-tfal ma jmorrux skola sakemm iħossuhom tajbin, importanti nevitaw li nkunu ħafna nies f’kamra waħda għax hemm aktar cans li tinfirex u meta persuna jkun ma jiflaħx, meta jagħtas jew jisgħol importanti juża t-tissues u mbagħad jintremew mill-ewwel”
Stqarret li din is-sena ingħataw sittax-il elf tilqima aktar mis-sena l-oħra biex b’kollox ingħataw disgħin elf, sitt mija u sebgħa u sebgħin tilqima.
Hija sostniet li min għadu ma ħax it-tilqima għadu fiċ-ċans li jagħmel dan.
Gauci spjegat kif “Ikollok sogħla qawwija li ħafna drabi tkun produttiva u anke jitla’ d-deni. Il-prevenzjoni hija importanti, għandna t-tilqima li għadha hemmhekk available jiġifieri ninkoraġġixxu lin-nies jieħdu t-tilqima barra minn hekk huwa importanti li nferrxu din il-marda”