Iwieġeb li mhux ħati li ttrafika d-droga | One News

Notifiki

Iwieġeb li mhux ħati li ttrafika d-droga

Jonathan Fenech ta’ tlieta u tletin sena mir-Rabat ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ elf ewro u garanizja personali ta’ għaxart elef ewro wara li wieġeb mhux ħati li ttraffika d-droga minn stabbiliment li għandu f’San Pawl il-Baħar.

Fenech li jaħdem bħala barman tressaq il-Qorti l-Erbgħa filgħodu mixli bil-pussess u traffikar ta’ droga u li kien qiegħed jopera attività kummerċjali mingħajr il-liċenzja tl-pulizija.

Huwa ġie arrestat fuq il-post fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta li għadda minn uffiċjali tal-pulizija stazzjonati fl-Għassa tal-Qawra fi spezzjoni għall-għarrieda fl-istabbiliment tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Godwin Scerri qalet fil-Qorti li hekk kif il-pulizija daħlu fl-istabbiliment sabu żewġt irġiel jaġixxu b’mod suspettuż.

Minn tfittxija li saret fuqhom instab ammont żgħir ta’ droga u sikkina fil-pussess ta’ wieħed minnhom.

Minn aktar tfittxijiet, il-pulizija sabet tletin gramma kannabis u kważi l-istess ammont fi droga kokaina li allegatament kienu se jiġu ttraffikati.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ordnat ukoll lil Fenech jiffirma kuljum l-Għassa tar-Rabat u ma joħroġx mid-dar bejn it-8.00 ta’ filgħaxija u s-7 ta’ filgħodu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend