ĠBIR TA' AKTAR MINN €8,500,000 F'ANQAS MINN XAHAR | One News

Notifiki

ĠBIR TA’ AKTAR MINN €8,500,000 F’ANQAS MINN XAHAR

Somma rekord. Din kienet kelma li fl-aħħar ġimgħat smajnieha għal diversi drabi, hekk kif erba’ ġabriet ewlenin wasslu għal-total ta’ iktar minn tmien miljun u ħames mija u tletin elf ewro. Frażi li tikkonferma, jekk qatt kien hemm bżonn, dak li qal studju tac-Charities Aid Foundation, iġifieri li pajjiżna huwa wieħed mill-iktar pajjiżi ġenerużi fid-dinja.

L-aħħar minn sensiela ta’ ġabriet ewlenin kienet dik tad-Dar tal-Providenza, li fl-ewwel jum tas-sena, bħas-snin imgħoddija, organizzat il-maratona “Festa ta’ Ġenerożità”. Is-somma miġbura, dik ta’ miljun u mitejn u ħamsa u ħamsin elf ewro, kisret ir-rekord tas-sena li għaddiet b’aktar minn mitejn elf ewro. Dħul sostnzjali li inkluda fost l-oħrajn iktar minn wieħed u tletin elf ewro mill-irkant ta’ xogħlijiet artistiċi minn iktar minn disgħin artist.

Dan jingħaqad mal-ġabra rekord tal-Istrina fejn inġabru kważi sitt miljun u ħamsin elf ewro, żieda ta’ kważi nofs miljun fuq dak li nġabar sena qabel.

Ta’ min jiftakar li ftit ġimgħat biss qabel saru wkoll il-ġabriet mill-Partit Laburista u dak Nazzjonalista, fejn il-Partit Laburista ġabar somma rekord ta’ kważi sitt mija, u tnax-il elf u ħames mitt ewro . Anke l-Partit Nazzjonalista tella’ somma ġmielha, fejn wara t-tħabbira ta’ somom kbar minn esponenti ewlenin, intqal li nġabru sitt mija u għoxrin elf ewro.

Biex b’hekk filwaqt li s-sena li għaddiet inġabar total ta’ iktar minn seba’ miljun ewro u nofs, din is-sena f’erba’ ġabriet in-nies tat ftit iktar minn tmien miljun u ħames mija u ħamsa u tletin elf ewro.

  • Dar tal-Providenza – €1,255,269
  • L-Istrina – €6,048,045
  • Partit Laburista – €611,497
  • Partit Nazzjonalista – €620,319
  • Total €8,535,130

B’hekk jekk wieħed iqis li l-popolazzjoni Maltija hija bejn wieħed u ieħor ta’ erba’ mija u ħamsin elf persuna, dan ifisser li kull wieħed u waħda minna ta mad-dsatax-il ewro f’donazzjonijiet. Bil-parti l-kbira ta’ dawn marret għall-karità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend