Is-sena l-ġdida bdiet fuq togħma qarsa għall-familja mill-Kalkara. Tard it-Tnejn filgħaxija tħabbret il-mewt taċ-ċkejken Ziam li miet fl-età tenera ta’ tliet snin wara marda rari u kiefra.
Ta’ sentejn Ziam kien diġà għamel trapjant tal-mudullun. Tul ħajtu ċ-ċkejken siefer għall-kura l-Ingilterra biex jingħata trattament għall-kundizzjoni li twieled biha magħrufa bħala Griscelli Syndrome. Sindromu li jolqot lit-tfal. Il-ġenituri tiegħu ħadu l-aħbar li kellu din il-kundizzjoni rari meta Ziam kien għadu tarbija ta’ erba’ xhur.
It-tobba kienu ntebħu bil-kundizzjoni ta’ Ziam minn xagħru u x-xagħar ta’ għajnejh għax kienu griżi fl-abjad. F’kemm trodd salib saru t-tħejjijiet neċessarji biex it-tifel jittieħed għall-kura barra. Wara li sarlu trapjant b’suċċess, Ziam qabditu kundizzjoni oħra u minħabba fiha kellu jibqa’ tiegħla u nieżel għall-kura barra minn xtutna.
Kien il-kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin il-Belt, Dun Deo Debono li ħabbar il-mewt taċ-ċkejken Ziam li fil-ħmistax ta’ Jannar kien se jiċċelebra għeluq ir-raba’ sena tiegħu.
“Ftit tal-ħin ilu l-anġlu ċkejken tagħna Ziam ittajjar lejn is-sema pajjiżna fejn żgur hemm ommna Marija u Missierna San Ġuzepp jilqgħuh b’imħabba bħalma kienu laqgħu lill-bambin.
“Illum wara tant tbatija l-ġisem dgħajjef tiegħu tilef il-battalja imma r-ruħ safja tiegħu ttajret rebbieħa tfewwaħ il-ġenna bil-fwieħa tal-innoċenza.
Ziam itlob għalina speċjalment għal ommok u missierek, oħtok u ħuk, nannietek u zijietek. Ommok u missierek tawk imħabbithom b’mod sħiħ u ħaqqhom kill tifħir mingħandi għax kienu eżemplari u dejjem fittxew jagħtuk l-aħjar. Illejla għidu talba għall-ġenituri ta Ziam”, qal is-saċerdot.