Simon Busuttil u Marlene Farrugia fost l-iktar li fallew seduti Parlamentari – One News

Notifiki

Simon Busuttil u Marlene Farrugia fost l-iktar li fallew seduti Parlamentari

L-ewwel xhur ta’ leġiżlatura ġdida qed juru titjib fl-attendenzi tal-Membri Parlamentari meta mqabbla ma’ leġiżlaturi oħra. Din hi l-ewwel darba li s-sistema tal-multi għal dawk li ma jattendux seduta Parlamentari mingħajr raġuni bdiet mill-bidu tal-leġiżlatura wara li kienet introdotta mill-ewwel Gvern ta’ Joseph Muscat bil-Prim Ministru jinsisti li bħalma bniedem ma jistax ifalli x-xogħol mingħajr raġuni hekk ukoll Membru Parlamentari ma jistax jaqbeż seduta jekk mhux ġustifikat għalkollox. Il-fatt li Membru Parlamentari jitħallas l-onorarja skont kemm jattendi kienet wegħda elettorali fil-manifest elettorali tal-2013 u eventwalment saret realtà fost ħafna bidliet maħsuba biex idaħħlu iktar serjetà u kontabbiltà fost il-politiċi.

Membru li ma jattendix seduta Parlamentari jkollu jħallas €50. Minn tagħrif li ksibna jirriżulta li kienu d-doppju d-drabi fejn din il-multa kellha titħallas minn Membru Parlamentari tan-naħa tal-Oppożizzjoni meta mqabbel man-naħa tal-Gvern. Fil-fatt, 13-il membru tal-Oppożizzjoni weħlu bejniethom €1,500 għax fallew 30 seduta, filwaqt li disa’ membri tal-Gvern intalbu jħallsu €700 għax bejniethom fallew biss 14-il seduta. Simon Busuttil u Marlene Farrugia kienu l-iktar membri li qabżu seduti min-naħa tal-Oppożizzjoni b’erbgħa kull wieħed.

Mitlub jikkummenta l-Ispeaker tal-kamra Anġlu Farrugia tkellem dwar kif innota titjib f’dawk li huma attendenzi. Iżda, kien hemm xi ħaġa li laqtitu ferm iktar minn hekk. “Iktar minn hekk jinnota wkoll l-impenn li qed juru Membri Parlamentari żgħażagħ kemm fix-xogħol tal-Kamra, fil-Kumitati Permanenti, kif ukoll fil-parteċipazzjoni tagħhom f’fora inter-Parlamentari,” qal l-iskrivan tal-kamra f’isem l-Ispeaker. Mistoqsi dwar x’użu qed isir minn dawn il-fondi ta’ min ma jattendix li bdew jinġabru mil-leġiżlatura li għaddiet, l-Ispeaker Farrugia qal li sa issa ma sar ebda użu minnhom. Għalkemm jidher li għandu ħsibijiet ċari dwar fejn għandhom imorru.

“Sal-lum għadu ma sar l-ebda użu tal-fondi miġbura. Il-proposta tal-Uffiċċju tal-Ispeaker hija li dawn jiġu allokati lill-Fondazzjoni Parlament ta’ Malta li kienet ġiet kostitwita biex fost għanijiet oħra tippromwovi u ssaħħah l-istituzzjoni Parlamentari billi testendi l-għarfien tal-funzjonijiet u l-operat tal-Parlament u r-rilevanza tagħhom għaċ-ċittadin. Id-deċiżjoni finali tittieħed mill-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra,” intqal fit-tweġiba tal-Kumitat tal-Kamra.

Dawn ir-regoli daħlu fis-seħħ f’Lulju tas-sena li għaddiet. Bejn Ottubru u April ta’ din is-sena, ftit qabel xolja l-Parlament biex il-pajjiż mar għall-elezzjoni, il-kont tal-Membri Parlamentari kien tela’ għal €4,600. Fl-imgħoddi kien hemm Membri Parlamentari li saħansitra kienu jitilfu 80% jew 70% tal-attendenzi, oħrajn kienu jfallu nofs is-seduti. Meta mistoqsijin dwar dan, l-argument li kienu jqajmu dejjem kien dak li x-xogħol ta’ Membru Parlamentari mhux marbut biss mal-fatt li wieħed jattendi s-seduta. Veru. Iżda, minn meta daħlu dawn ir-regoli ġodda donnhom bdew jaħsbuha xi ftit differenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend