L-24 ta' Diċembru għadu maħbub minn bosta | One News

Notifiki

L-24 ta’ Diċembru għadu maħbub minn bosta

Il-Jum ta’ għada, l-24 ta’ Diċembru għadu sinonimu ma’ spirtu sabiħ għal bosta. Ħafna jkun għad fadlilhom xi xiri x’jagħmlu. Imma għadek issib ħafna nies li jħobbu jerfgħu din il-ġurnata biex iżuru ħbieb li jkunu ilhom ma jiltaqgħu jew inkella jħallu propju din il-ġurnata fis-sena biex jerġgħu jġeddu xi ftit memorji u tifkiriet tat-tfulija.

Ma jonqsux l-awguri għalkemm fil-mezzi tal-midja soċjali sirna naraw ħafna kummenti li wieħed m’hemmx għalfejn jistenna dawn il-jiem biex jirreċiproka awguri ta’ xewqat tajba lil dak li jkun. Imma ejja ngħidu li b’mod awtomatiku hekk jiġri u s-soċjeta’ tistimola biex dan jiġri wkoll. Mhux inqas il-midja li żżid l-adrenalina għal dan l-istat ta’ ferħ fin-nies.Tajjeb pero’ wieħed iżomm f’moħħu wkoll li mhux kulħadd ikun għaddej minn żmien sabiħ minħabba xi esperjenzi passati jew inkella nkwiet personali kif ukoll jista’ jkun li persuna titlef lil xi ħadd qrib tagħha. Għalhekk tajjeb li waqt li nwasslu l-ferħ tagħna lil xulxin inwasslu wkoll mument ta’ mogħdrija lil xulxin u nkunu aktar kawti mal-proxxmu ħalli dan iż-żmien verament jinżel tajjeb mal-maġġoranza u jgħaddi b’wiċċ il-ġid.

Tradizzjonijiet li qed nerggħu naraw iqumu fuq saqajhom huma l-presepji grazzi għal dawk kollha li jiddedikaw ħafna ħin biex jagħmluhom minn sena għall-oħra. Tradizzjonijiet li forsi ħafna jiftakru u ma tantx għadna naraw huma; it-tiżjin tal-klassijiet fl-iskejjel bir-rombli tat-tajr u l-bżieżaq, il-fanali bil-karti kkuluriti kif ukoll il-kartolini li dejjem qed jonqsu minħabba l-użu li dejjem iżid tal-midja soċjali.

Fuq kollox importanti li dan iż-żmien inżommuh sabiħ aħna billi nieħdu ħsieb saħħitna u saħħet xulxin billi nżommu ‘l bogħod minn xorb eċċessiv, sustanzi illeċiti u esaġerazzjonijiet f’kull aspett li żgur ibiddlu l-ferħ f’niket. Numri li wieħed għandu jżomm f’moħħu f’każ ta’ bżonn huma l-112 għal kull emergenza u l-179 għal widna li lesta tisimgħek. L-annimali wkoll jgħinu lill-bniedem jitwennes f’mumenti ta’ solitudni basta dawn ma jinxtrawx bħala rigal tal-mument għax huma wkoll għandhom qalb u ruħ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend