Malta daħħlet fis-seħħ ir-Raba’ Direttiva Ewropea kontra l-Ħasil tal-Flus li ssaħħaħ ir-regoli attwali u tagħmel il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu aktar effettiva.
Din id-direttiva daħlet fil-liġijiet Maltin bis-saħħa ta’ emendi li saru fil-liġi kontra l-ħasil tal-flus u permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ bosta regolamenti intiżi li jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji li jinkludu trusts, assoċjazzjonijiet u entitajiet legali oħrajn.
Din ir-raba’ direttiva ttejjeb fuq it-tielet waħda u tinkorpora fiha l-aħħar rakkomandazzjonijiet li saru minn task force ewropea fil-qasam tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar kontra t-terroriżmu.
Il-Gvern qal li permezz ta’ din id-direttiva se jkun qiegħed isaħħaħ il-liġijiet Maltin biex jiġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu permezz ta’ miżuri konkreti.
Qal li dan se jwassal biex jitwaqqaf kumitat Nazzjonali magħmul minn bosta entitajiet fosthom uffiċjali minn għadd ta’ ministeri, mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, miċ-Chaiman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u tal-Awtorità tal-Logħob, mill-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u c-Chairman tal-FIAU.
Ingħad li dan il-kumitat għandu jikkordina l-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali li tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Il-Ministeru tal-Finanzi żied jgħid li dan l-att se jkompli jsaħħaħ l-irwol tal-FIAU biex jiġġieled dawn l-oqsma l-aktar fejn tidħol il-koperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni ma’ entitajiet internazzjonali u awtoritajiet lokali.
Saħansitra, ir-regolamenti l-ġodda fl-Att dwar il-Kumpaniji, fl-Att dwar it-Trusts u Trustess u fil-Kodiċi Ċivili se jdaħħlu rekwiżiti ta’ trasparenza aktar stretti fuq il-kumpaniji, it-trusts u entitajiet legali oħrajn u s-sidien tagħhom.
Ingħad li l-MFSA se tkun qed iżżomm reġistru ta’ dawn is-sidien ta’ kumpaniji u trust li se jkunu aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti, istituzzojnijiet finanzjarji u operaturi oħrajn meta jkunu qed jieħdu miżuri ta’ verifika kif ukoll persuni oħrajn li jkollhom interess leġittimu li jingħataw din l-informazzjoni.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li waqt li r-raba’ direttiva tindirizza s-sitwazzjoni attwali, il-Gvern jinsab sodisfatt li l-ħames direttiva kontra l-ħasil tal-flus kisbet il-qbil neċessarju fil-Parlament u l-Kunsill u issa l-istati membri għandhom sena u nofs biex jimplimentawha.