L-aħħar seduta parlamentari qabel il-Parlament aġġorna għall-btajjel tal-Milied, kienet waħda mqanqla. Bosta d-deputati min-naħa tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, għamlu diskors aggressivbi kliem mhux xieraq tant li kellu jintervjeni l-Ispeaker tal-Kamra.
Fosthom id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo li għajjar lid-deputati tal-gvern Bullshit – ħmieġ tal-animali.
Dan ġara meta t-Tlieta filgħaxija tressqet mozzjoni ta’ Chris Said, immirata sabiex jiġu investigati l-allegazzjonijiet gravi li għamlet dwar il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, il-blogger Daphne Caruana Galizia.
Fil-fatt kienu bosta d-deputati Nazzjonalisti li tilfuha, meta l-parlament iddiskuta l-mozzjoni ppreżentata mid-deputat Nazzjonalista Chris Said. Mozzjoni sabiex tinħatar inkjesta mmexxija minn tliet imħallfin sabiex jiġu investigati l-allegazzjonijiet li għamlet il-blogger Daphne Caruana Galizia.
L-għan ta’ Chris Said u l-maġġornanza tad-deputati li huma kontra t-tmexxija tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien li Adrian Delia jitpoġġa taħt investigazzjoni, sabiex jiġi investigat jekk daħħalx flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni hekk kif allegat kontrih Caruana Galiza ftit tal-ġimgħat qabel inqatlet. Dan ġie kkonfermat minn Chris Said, meta fid-diskors tiegħu rrefera għal Caruana Galizia, bi kliem kif kien jirreferi għaliha Adrian Delia, jiġifier biċċa blogger.
Id-deputati nazzjonalisti vvotaw kontra l-mozzjoni li ġiet emendata mill-Gvern b’tali mod li ssaħħaħ u fakkar li huwa fl-interess tad-demokrażija li persuni f’karigi kostituzzjonali jkunu suġġetti għal skrutinju pubbliku. L-emendi jirrkonoxxu s-suċċessi li wettaq il-Gvern biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt u d-demokrazija ta’ pajjiżna.
Bil-mozzjoni l-gvern faħħar u ta ħajr lill-Forzi tal-Ordni għall-ħidma eċċellenti biex ressqu l-qorti persuni akkużati bil-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ippreparat biex jagħmel intervent favur l-emendi li ressaq il-Gvern għax huwa stess talab investigazzjoni dwar allegazzjonijiet u saħansitra gideb li saru fil-konfront tiegħu.
Tenna l-impenn tiegħu u tal-Istat sabiex tkompli ssir ġustizzja u ta l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-istituzzjonijiet kollha tal-istat. Madankollu mexa b’kawtela.
“Sabiex dawn il-proċeduri ma niġix akkużat, l-anqas rimotament, li qed nippreġudika l-ebda waħda minnhom, qed inkun responsabbli li f’dan l-istadju ma nagħmilx dikjarazzjonijiet li jistgħu jiġu interpretati li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-każ gravi”, qal Dr Muscat.
Id-diskors tal-Prim Ministru jikkuntrasta mad-diskors li għamlu d-deputati nazzjonalisti, li b’tonn aggressiv infexxu jgħajru lid-deputati tal-Gvern, bi kliem mhux xieraq. Fosthom Edwin Vassallo li sejjaħ lill-Gvern bħala bullshit – ħmieġ tal-animali. Bl-speaker tal-Parlament Anġlu Farrugia jċanfar lil Vassallo għal dan id-diskors.
Bħal dejjem, diskors aggressiv ukoll mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li sejjaħ lill-membri tal-Gvern Cowards u chickens.
Surreali kif Edwin Vassallo qal li minn qatel lil Caruana Galizia għadu ma ġiex imressaq il-qorti. Dan meta fil-jum tat-tlieta, tlett persuni akkużati tressqu l-qorti u bdiet tinstema’ l-kompilazzjoni kontrihom.
Surreali wkoll id-dikjarazzjoni ta’ Beppe Fenech Adami, li tkellem dwar il-ġustizzja. Fenech Adami li ismu tfaċċa f’investigazzjoni dwar droga u ħasil ta’ flus, fl-investigazzjoni ta’ Capital One li waqfet ħesrem, meta de facto kien Ministru tal-Intern kif ikkonfermat minn inkjesta ta’ tliet Imħallfin.
U l-istess deputat li ma riedx joqgħod għal iktar minn darba għal tax audit ikkwota diskors mill-Bibbja fejn jingħad li jifraħ il-ġust meta jsir ħaqq tajjeb. Fi stqarrija l-gvern qal li l-unika allegazzjonijiet serji li mhux qed jiġu investigati huma dawk li l-blogger Daphne Caruana Galizia għamlet kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Sostna li huwa biss il-Kap tal-Oppożizzjoni li ddeċieda li jirtira l-proċeduri ta’ libell li huwa stess beda kontra Daphne Caruana Galizia dwar allegazzjonijiet serji li għamlet kontrih. Konsegwenza ta’ dan, il-verità tal-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni la jistgħu jiġu kkonfermati u lanqas miċħuda.