Żewġ stħarriġ tal-Unjoni Ewropea tefa iktar dawl fuq kif il-Maltin qed iħossuhom fuq il-ħajja li qed jgħixu u fuq x’qed jinkwetahom.
Irriżulta li disgħa u ħamsin fil-mija huma sodisfatti b’ġajjithom, filwaqt li l-iktar li qed jinkwetahom hija l-kriminalita.
Ħamsa u disgħin fil-mija tan-nies li jgħixu f’pajjiżna huma sodisfatti bil-ħajja li qed jgħixu. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fix-xahar ta’ Novembru.
Tletin fil-mija ta’ dawk intervistati sostnew li huma sodisfatti ħafna filwaqt li ħadd ma qal li ma kienx sodisfatt.
Irriżulta wkoll li tlieta u erbgħin fil-mija tal-Maltin jemnu li ħajjithom se titjieb fi tnax-il xahar li ġejjin.
Dwar is-sitwazzjoni ekonomika, sebgħa u għoxrin fil-mija qalu li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija tajba ħafna. Ċifra li kienet fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea hekk kif il-medja kienet ta’ disgħa fil-mija.
Mistoqsija fuq ix-xogħol tagħhom, sitta u sittin fil-mija qalu li s-sitwazzjoni hija tajba jew tajba ħafna, filwaqt li b’persentaġġ ta’ sebgħa u tmenin fil-mija, is-sitwazzjoni finanzjarja fil-familji Maltin hija aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Fi stħarriġ ieħor tal-Ewrobarometru, li ffoka fuq il-ġejjieni tal-Ewropa, erbgħa minn kull għaxar ċittadin Ewropew semma l-immigrazzjoni, filwaqt li tmienja u tletin fil-mija semmew it-terroriżmu.
Ħamsa u għoxrin fil-mija tal-Ewropew semmew il-qgħad. Xi ħaġa li ma tapplikax għal pajjiżna, bl-iktar kwistjonijiet li qed iħassbu lill-Maltin ikunu l-kriminalita, l-immigrazzjoni u l-ambjent.
Il-Maltin ikklassifikaw fid-disa post fejn tidħol fiduċja fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li b’sebgħin fil-mija, huma t-tielet l-aktar ottimisti dwar il-ġejjieni tal-istess Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, ħamsa u tmenin fil-mija tal-Maltin qalu li jħossuhom ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Persentaġġ li jpoġġina fit-tielet post wara l-Lussemburgu u Spanja.