Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat, ħabbar kif fil-jiem li ġejjin pajjiżna se jkollu iktar aħbarijiet sbieħ marbuta ma’ investiment, xogħol u dawk li ddeskriva bħala żviluppi storiċi.
“Aħbarijiet li permezz tagħhom se naraw li l-viżjoni ekonomika u soċjali qed twassal għal frott konkret li minnu jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin,” qal Joseph Muscat li għal darb oħra tenna l-kburija tiegħu bil-poplu Malti.
“M’aħniex nikkuntentaw ruħna b’li ksibna, imma qed inġibu iktar,” tenna l-Prim Ministru li rrefera għall-fatt li fl-aħħar jiem kien hemm konferma oħra kif dawk f’riskju ta’ faqar naqsu bin-nofs.
“Dak hu l-iskop veru għaliex qed ngħamlu dawn ir-riformi kollha,” qal Joseph Muscat li tenna li l-faqar niġġielduh bix-xogħol, l-edukazzjoni u l-għajnuna lil min veru għandu bżonn.
Spjega li dan hu riżultat tal-fatt li fl-2013 il-poplu bidel id-direzzjoni u kkonferma dan fl-2017 billi ma waqafx nofs triq.
“It-tieni nofs ta’ din it-triq se tkun karaterizzata minn riżultati li se niksbu fuq deċiżjonijiet li ħadna fuq l-ewwel erba’, ħames snin,” qal Joseph Muscat li nnota kif ċerti kwistjonijiet ma jissemmewx għax jkunu ssolvew qabel biss jinħolqu. Bħal fatt li pajjiżna ma kienx milqut minn kriżi fl-enerġija fl-Ewropa, li rat il-provvistà tonqos u l-prezzijiet jiżdiedu, riżultat tal-pjan tal-gvern fil-qasam tal-enerġija.
“Xi ħadd tkellem Malta dwarha din? Kien hemm xi problema f’pajjiżna? Għaliex? Għax l-istrateġija tagħna hi strateġija li taħseb. Kieku ma kellniex powerstation li ħaddieħor għadu jgħidilna li m’għandniex bżonnha, li kieku din il-ġimgħa kien jiġi l-gvern u jgħidilkom għollew il-prezz tad-dawl it-Taljani u tridu tħallsu iktar id-dawl. Minflok le, għandna powerstation u interconnector u nibbilanċjaw lil xulxin. Biex fl-eqqel tal-festi, l-eqqel tal-konsum l-ebda familja, l-ebda negozju ma kellu għalfejn ibati,” qal Joseph Muscat.
Vot fil-Parlament Ewropew
Tkellem dwar l-emenda tal-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej biex Malta tkun meqjusa bħala tax haven u tkellem dwar kif il-vot tal-MEPs tal-Partit Laburisti kien kruċjali biex din m’għaddietx.
Minn naħa l-oħra l-MEPs tal-PN ivvotaw għal rapport li jinkludi affarijiet li sa issa kien hemm kunsens kontra tagħhom f’pajjiżna, fost il-forzi politiċi dwarhom. “Ivvotaw favur rapport li jgħid li l-pajjiżi individwali m’għandux ikollhom veto fuq kwistjonijiet ta’ taxxa,” spjega Joseph Muscat li tenna kif il-PN għandu jiddikjara ċar u tond jekk il-politika tal-oppożizzjoni f’dan ir-rigward hix riflessa fil-pożizzjoni tal-MEPs tal-PN jew dawn telqux għal rashom. “Irridu nifhmu din l-oppożizzjoni x’inhi tgħid,” qal Muscat li spjega kif il-Partit Laburista huwa parti pro ewropew iżda li ma jiddejjaqx jgħid le fejn hemm il-ħtieġa.