Waqt id-diskors tiegħu l-Prim Ministru rrefera għal koalizzjoni ta’ konfużjoni. Qal li llum li sfaxxat wieħed jitbissem, peró s-sitwazzjoni setgħet kienet differenti.
“Illum nidħku. Imma kieku l-pajjiż għażel li jieqaf nofs triq illum nibku. Kif tista’ tafda l-pajjiż f’koalizzjoni li lanqas kapaċi tmexxi oppożizzjoni,” qal Joseph Muscat.
Fakkar kif dan hu riżultat ta’ oppożizzjoni li għamlet erba’ snin negattiva u l-uniku idea li kellhom sfaxxat wara sitt xhur biss.
L-istess oppożizzjoni li sitt xhur ilu ħolqot gidba oxxena fuqu u fuq martu.
“Dak il-ħin stess għidt li jekk tinstab nitfa verità jien nitlaq. Illum irrid ngħamel ċerti punti ċari. Jien dik il-wiegħda tiegħi għadha tgħodd għax jien m’għandi xejn minn xix nibża’. Ħaddieħor beża’. Imma ngħid li kif il-poplu ġġudika l-fatt li kien daqshekk kodard qabel l-elezzjoni jibqa’ jiġġudikah fuq il-fatt li sal lum għadu qed jibża jilqa’ din l-isfida,” qal Joseph Muscat.
Irrefera għal rapport li persuna li suppost marret titkellem quddiem il-parlament ewropew tat xi karti. “Ħriġt stqarrija u għidt lill-poplu li ma jistax ikun hemm karta ġenwina għax din invenzjoni u jekk hemm xi karta nħeġġeġ biex jgħadduha għall-investigazzjoni mill-maġistrat. Illum naqraw fil-gazzetta li waħda minnhom qalet li din ma tatna xejn,” qal Joseph Muscat.
“Biċċa xogħol bħal din, attakk fuq l-integrità ta’ persuna, attakk fuq personali fuq il-familja tiegħi, fejn ħaddieħor seta’ nstab fil-gvern b’ingann,” tenna l-Prim Ministru li qal li għalhekk din gidba li mhix se torqod hawn.
“Min jaħseb li għax b’serenità imxejna ‘l quddiem jien se ninsa… jien irrid li l-verità toħroġ kollha,” qal il-Prim Ministru li temm id-diskors tiegħu billi għamel referenza lejn sensiela ta’ kisbiet li saru din is-sena.
Wara li rrefera għal dawn il-kisbiet iddikjara: “Dan jagħtini l-kuraġġ li flimkien mal-fatt li żidna l-appoġġ fl-elezzjoni ġenerali ta’ din is-sena aħna se nkomplu mexjin ‘il quddiem biex inlestu lil Malta għal Ġenerazzjoni li Jmiss.”