Il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attivita’ politika tkellem ukoll fit-tul dwar il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta fejn fakkar kif wara numru ta’ ftehimiet maqbula fl-aħħar ġimgħa issa jonqos il-ftehim mal-piloti. Fakkar kif il-proposta hi li jiżdiedu l-pagi u tiżdied il-flessibbiltà.
“Għax aħna l-idea tagħna tal-Air Malta hija idea ta’ Air Malta li tikber u mhux li tiċkien u li l-Air Malta tkun il-linja nazzjonali tal-ajru tal-Mediterran,” qal Joseph Muscat li fisser kif hemm bżonn iċ-ċertezza li l-kategoriji kollha ta’ ħaddiema qed jaqblu.
“Nappella hawn. Nemmen li ninsabu qrib soluzzjoni. Ħadd ma jista’ jżomm lill-Air Malta u l-pajjiż ostaġġ u kulħadd irid iġorr ir-responsabbiltajiet tiegħu. Il-Gvern għamel offerta b’saħħitha ħafna,” qal Joseph Muscat li tenna li mhux interessat f’soluzzjonijiet biex inraqqgħu l-pannu bil-qara aħmar.
Tenna li l-gvern qed jinnegozja apposta wara elezzjoni. “Ħalli ninnegozjaw mhux politikament imma x’jaqbel il-pajjiżna,” qal Joseph Muscat li tenna kif hu interessat li kif sar bl-Enemalta ngħamlu bl-Air Malta.
Fisser kif jekk ma jkunx hemm ftehim ma’ kulħadd għalxejn il-ftehim ma’ kategoriji oħra.
“Appell għas-sensibbiltà li hemm bżonn. Appell ta’ min qed jgħid se nżidu l-pagi, ejja naslu għall-ftehim konklussiv,” qal Joseph Muscat f’dikjarazzjoni maħsuba għall-bdoti u r-rappreżentanti tagħhom.