Matul din is-sena saru 792 episodju fejn fih persuna Maltija ngħatat kura barra l-pajjiż. B’kollox kienu 507 il-persuni li kellhom bżonn kura barra l-pajjiż, b’uħud minn dawn il-pazjenti jingħataw kura aktar minn darba. “L-innovazzjoni fil-qasam mediku tiżviluppa b’mod mgħaġġel ħafna u għalkemm ta’ kull sena f’pajjiżna nintroduċu tekniċi u interventi li qabel lanqas konna nagħmlu, xorta għad hemm il-ħtieġa biex numru ta’ pazjenti jingħataw kura speċjalizzata barra minn xtutna,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.
It-trattamenti barra l-pajjiż jiġu kkordinati minn uffiċċju fl-Isptar Mater Dei li jieħu ħsieb l-arranġamenti kollha għall-pazjenti u l-appuntamenti fiċ-ċentri speċjalizzati fejn ikunu se jingħataw kura. “Dawn huma ħaddiema li jtaffu ħafna mill-piż li f’mument daqshekk delikat jgħaddu minnu l-pazjenti u l-familjari tagħhom,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Pazjenti Maltin jingħataw kura f’diversi sptarijiet barra l-pajjiż, l-aktar fi sptarijiet Ingliżi. Fl-aħħar snin ma’ kull persuna taħt l-età li tingħata kura barra l-pajjiż, il-Gvern m’għadux iħallas biss l-ispejjeż ta’ ġenitur wieħed iżda ta’ tnejn. Din is-sena kienu 183 il-persuni li bbenefikaw minn din l-iskema. Mill-2014 lil hawn, minn meta ġiet introdotta din l-iskema, kien hemm 751 pazjent li bbenefika.