Ilbieraħ, il-Ministru Ian Borg laqa’ grupp ta’ 8 periti ġodda fil-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali għal ċeremonja ta’ warranting.
Il-Ministru awgura lill-periti li kienu qegħdin jirċievu l-warrants għas-suċċess tagħhom. Huwa qal li fi żmien fejn il-pajjiż qiegħed jiżviluppa b’pass tant mgħaġġel, huwa essenzjali li professjonisti bħalhom jibqgħu ffukati, u li jikkollaboraw u jaħdmu bħala parti essenzjali fil-bini tal-futur tal-pajjiż. Dan huwa żmien ta’ opportunità u huwa bix-xogħol dedikat u professjonali li nistgħu niżguraw futur sod u ekonomija li tiffjorixxi, kompla Ian Borg.Il-Ministru Borg fakkar li dan ma jistax itellef il-professjonalità, u l-kodiċi tal-etika għandha tiggwida x-xogħol tal-perit. Is-salvagwardja tal-ambjent u l-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika (green economy) huma importanti sabiex il-pajjiż jiżviluppa b’mod sostenibbli.
Ian Borg esprima t-twemmin tiegħu li s-suq jeħtieġ l-innovazzjoni u l-perspettivi ġodda, u ħeġġeġ lill-periti li kienu qegħdin jingħataw il-warrant sabiex ifasslu xogħolhom fuq dawn il-kunċetti. Huwa qal li huma għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex mhux sempliċiment ikunu parti minn process, iżda jaħsbu u jiftħu mħuħhom għal ideat ġodda biex xogħolhom iwassal għal kunċetti innovattivi li jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess kontinwu tal-pajjiż.
Il-Ministru għalaq billi awgura lill-periti preżenti suċċess fil-karrieri tagħhom filwaqt li rringrazzjahom talli qegħdin iservu lil pajjiżhom, u kompla billi ppreżenta warrants.