L-eks sieħeb Yana Mintoff Bland ġie kkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li ta daqqiet ta’ sikkna.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud sab lil Georgħe Popa ħati ta’ ħames akkużi minn tnax. Huwa ordna li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ Mintoff Bland u binha Daniel Mainwaring.
L-inċident seħħ fir-residenza ta’ Mintoff Bland f’Ħal Tarxien. Fil-qorti ngħad li l-inċident seħħ meta Yana Mintoff marret lura lejn id-dar u nqala’ argument bejnha u bejn l-imputat. Ingħad li argument inqala’ wara li l-imputat ma aċċettax jew beda jissuspetta ħażin dwar ir-raġuni vera għaliex Mintoff Bland riedet twaqqaf ir-relazzjoni.
L-argument saħan b’tali mod bil-konsegwenzi li Mintoff Bland u binha Daniel Mainwaring soffrew griehi.Yana sfat aggredita b’sikkina waqt li kienet nieżla mit-taraġ bil-bagalja tal-ħwejjeġ tal-imputat sabiex tgħidlu jitlaq ‘il barra.
Mill-provi forensiċi rriħulta li mbagħad l-imputat f’ħin minnhom beda miexi ‘l fuq lejn il-bejt u f’xi waqt ta n-nar lir-residenza.
Fid-deċizjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li dan ir-reat gravi kellu implikazzjonijiet serji fuq il-bqija tas-soċjetà. Qal li qed naraw sitazzjonijiet fejn jidbew relazzjonijiet ħafna drabi mibnija fuq ir-ramel jew permezz tas-social networking u meta dawn ifallu jkun hemm min ma jaccettax li f’dawn it-tip ta’ relazzjonijiet ikun hemm expiry date.
“Qegħdin naraw każijiet fejn ex maħbubin jibqgħu isegwu lil wieħed jew lil oħra u jispiccaw jikkawżaw tensjoni u biża’ fuq parti, bil-parti l-oħra jkollha tiffaċċja l-konsegwenzi tal-ġustizzja”, qal il-Maġistrat.
Il-Qorti sostniet li kulħadd għandu japprezza u jifhem li meta qiegħed f’relazzjoni ma’ xi ħadd huwa għandu jaccetta deciżjonijiet li ħaddieħor jieħu. Mhux sew illi jekk parti jew oħra fir-relazzjoni tagħżel illi tixtieq tittermina r-relazzjoni tispicca f’sitwazzjoni bħalma spiccat Mintoff Bland b’persuna tattakkaha b’sikkina u tispicca bir-residenza tagħha maħruqa.
Qa li l-mod kif aġixxa l-imputat huwa mod illi ma tista’ tiġġustifikah qatt.
Sostna li bħalma kellha kull dritt jekk trid tidħol f’din ir-relazzjoni, daqstant ieħor jekk xtaqet titterminaha.
Sostna li l-għemil tal-imputat twettaq preciżament għax l-imputat ried li x-xewqa ta’ Mintoff Bland li ttemm ir-relazzjoni ma titterminahiex minħabba biża’, twerwir li jista’ jdaħħal fiha, minħabba li qiegħed iħoss jew jemmen illi jista’ jġiegħelha ccedi u tkompli anke kontra r-rieda tagħha f’din ir-relazzjoni partikulari.
Il-Maġistrat sostna li l-imputat huwa ta’ periklu mhux biss għal Mintoff Blande iżda huwa ta’ periklu għas-soċjetà tagħna b’mod ġenerali.
Il-Qorti sostniet din it-tip ta’ vjolenza m’għandha qatt tkun fl-ebda ħin u fl-ebda mument accettata, kemm biex nibgħatu messaġġ anke lil dawk in-nies li forsi qed isibu diffikultà biex joħorġu minn relazzjoni minħabba illi forsi l-partners tagħhom qegħdin jeżercitaw influwenza fuqhom billi jużaw mezzi mhux leciti.
Il-Qorti għamilitha cara li kull tip ta’ vjolenza domestika ma tista’ qatt tkun aċċettabli.