One News żamm udjenzi b’saħħithom ħafna tant li f’ċerti ġranet huma erba’ darbiet iktar minn dawk ta’ Net News il-kompetitur dirett fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija.
Skont l-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir One News jilħaq udjenza massima ta’ 57,000 telespettatur b’udjenzi ta’ dan il-kobor jew ftit inqas ikunu nnotati wkoll fi ġranet oħra. One News baqa’ l-iktar produzzjoni segwita tal-istazzjonijiet ONE.
U bħalma l-istazzjon ONE jirbaħ il-faxxa tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija jirbaħ ukoll l-udjenzi fil-ħin ta’ qabel l-aħbarijiet bejn it-Tlieta u l-Ġimgħa, bil-programm Pjazza jkun l-iktar segwit fil-ħin ta’ bejn is-sitta u nofs u s-sebgħa u nofs nhar ta’ Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis. One Week, li jixxandar fl-istess ħin nhar ta’ Ġimgħa, jkun l-iktar segwit f’dik il-ġurnata.
Riżultat tajjeb ukoll għad-Drama fuq ONE b’Division Seven ikun l-iktar programm segwit nhar ta’ Erbgħa filgħaxija mill-istazzjonijiet kollha.
Il-programm ta’ ġrajjiet Arena wkoll kiseb riżultat tajjeb meta hu l-iktar programm segwit fil-ħin li jixxandar hu, filwaqt li Paperscan huwa l-iktar programm ta’ analiżi tal-ġurnali li l-Ħadd filgħodu jiġbed udjenzi. B’udjenzi li huma ħames darbiet iktar minn ta’ stazzjonijiet oħra, inkluż l-istazzjon nazzjonali.
Il-programmi Espresso u Kalamita, programm ta’ tagħrif ukoll jiġbdu udjenzi b’saħħithom ħafna fil-ħin tagħhom fejn f’numru ta’ jiem huma l-iktar segwiti.
Dan iwassal biex ONE, l-istazzjon tal-Partit Laburista, jibqa’ l-iktar stazzjon privat b’udejnza b’saħħitha bi 18.5%. Dan meta mqabbel mad-9.7% ta’ Net Television.
Riżultat b’saħħtu wkoll għal ONE RADIO li għandu 18.87% tal-udjenzi. 10% iktar minn Radio 101.
Programmi ta’ diskussjoni, partikolarment Sibt il-Punt is-Sibt filgħodu, huma fost l-iktar segwiti fuq One Radio. Riżultat tajjeb ukoll għal Breakfast show fuq ONE u għadd ta’ programmi mużikali.