Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kkundannat lill-organizzaturi ta’ party li seħħ disa’ snin ilu f’Ta’ Fra Ben il-Qawra u lill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl Baħar iħallsu bejniethom is-somma ta’ ftit anqas minn €464,000 lil Vladyslava Kravchenko li spiċċat ipparalizzata u f’siġġu tar-roti wara li waqa’ għal fuqha apparat ta’ dawl li nqala’ minn postu.
It-tfajla ġarrbet diżabilità permanenti ta’ ħamsa u sebgħin fil-mija.
L-inċident seħħ meta Vladyslava kienet qed tattendi għal party fil-miftuħ imtella’ minn Kevin Micallef u Alan Bugeja taħt l-awspiċi tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar f’Ottubru tal-2009.
Waqt li kien għaddej il-party, l-armar li fuqu kien hemm id-dawl inqaleb minn fuq il-palk għal fuq in-nies fosthom Vladyslva. Konsegwenza ta’ dan, il-vittma ġarrbet diżabilità permanenti tant li spiċċat paralizzata minn qadda ’l isfel u f’siġġu tar-roti.
Fil-qorti ngħad li r-riħ fl-inħawi tant kien qawwi li f’ħin minnhom għamlet buffura kbira li waqqgħet l-iscaffolding bl-apparat għal fuq in-nies.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Silvio Meli qies li l-organizzatui naqsu li jieħu l-miżuri neċessarji biex jevitaw dak li eventalwent seħħ waqt il-party.
Il-Qorti nnotat ukoll li ma rriżulta li kien hemm l-ebda sorveljanza għal dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u sigurtà bil-konsegwenza li t-tfajla korriet b’mod li ħajjitha nbidlet minn lejl għal nhar.
Il-qorti qalet li l-fatt li kien ir-riħ u l-istruttura ma kinitx marbuta, kienu fatti li l-organizzatri kienu jafu bihom.
Madankollu li l-organizzaturi għażlu li jibqgħu għaddejjin bil-party, minkejja li setgħu pposponuh għal data oħra aktar xierqa.
Il-Qorti qalet li l-Kunsill Lokali huwa wkoll responsabbli għal dak li ġara u għad-danni u l-istess il-kumpanija li installat id-dawl.