- Il-flus miġbura matul Lost, Found & Auctioned se jmorru b’risq The Sovereign Order of Malta
- L-oġġett li din is-sena kiseb l-ogħla offerta kien drone DJI Phantom
L-irkant Lost, Found & Auctioned kiseb post permanenti fil-kalendarju tal-attivitajiet għal żmien il-vaganzi tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Is-seba’ edizzjoni, li ttellgħet nhar l-Erbgħa li għadda, ġibdet madwar 160 persuna u qajmet €7,730 b’risq The Sovereign Order of Malta Aktar minn 90 oġġett, inkluż numru ta’ mowbajls, nuċċalijiet tax-xemx tad-ditta u arloġġi, spiċċaw taħt il-martell tal-irkantatur Pierre Grech Pillow, li mexxa dan l-avveniment mal-preżentatur lokali Peter Carbonaro.
Dawk preżenti assistew għal live performance mill-brand ambassador tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Joe Roscoe. Minn €200 għall-offerta finali ta’ €750, l-oġġett li kiseb l-ogħla offerta tal-lejla kien drone DJI Phantom. Filwaqt li ta’ kull sena bosta oġġetti mitlufa u misjuba jiġu rritornati lis-sidien leġittimi tagħhom mill-ajruport, l-oġġetti li jibqgħu mhux mitluba jsibu posthom fl-irkant annwali tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-irkant ta’ oġġetti li qatt ma jkunu ntalbu lura mis-sidien jew li jkunu ġew ikkonfiskati mill-persunal tas-sigurtà hi prattika komuni f’ajruporti bħal Heathrow, Munich, Frankfurt u Sydney.
Mill-flus miġbura matul l-edizzjonijiet preċedenti tal-irkant ibbenefikaw għadd ta’ organizzazzjonijiet fosthom l-Inspire (2016), id-Dar tal-Providenza (2015), il-Hospice Malta (2014) u The Ladybird Foundation (2013).