Il-Qorti Maltija ddeskrivit bħala manipulazzjoni orkestrata l-opinjoni ta’ avukati Ingliżi ppubblikata fl-aħħar jiem wara li kienu mqabbda mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dawn l-avukati qalu li l-mod kif tmexxew l-investigazzjonijiet f’Malta jiksru d-drittijiet fundamentali tal-familja Caruana Galizia. Iżda l-Imħallef Silvio Meli qal li dak li nkiteb fil-parir ta’ dawn l-avukati għandu l-għan li jdgħajjef ir-rule of law f’Malta u jinfluwenza l-ġudikatura.
L-Imħallef Meli qed jisma’ l-każ fejn l-armel u ulied Caruana Galizia qed jitlobu li d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta ma jibqax jinvestiga l-assasinju tal-ġurnalista li seħħ fis-sittax ta’ Ottubru li għadda.
Dan anke jekk sa issa l-pulizija diġa’ mexxiet investigazzjonijiet b’suċċess tant li tliet persuni tressqu l-Qorti akkużati bil-qtil. F’każ li mkejjen viċin il-korp isostnu li hu wieħed b’saħħtu.
L-Imħallef Meli fakkar fl-indipendenza tal-ġudikatura u l-importanza tagħha fi stat sovran u ddeskriva l-parir ta’ Doughty Street Chambers bħala wieħed b’attitudni superjuri neo kolonjalista.
Meli qal li l-parir ma mpressjonahx u tenna li Malta hi pajjiż indipendenti fl-Unjoni Ewropea bħal l-oħrajn kollha. Qal li filwaqt li mhux impressjonat b’dan il-parit tal-avukati Ingliżi jibqa’ l-fatt li dan kollu għandu effett fuq pajjiżna.
Intant, Silvio Meli fakkar li anke hu safa fil-mira ta’ Daphne Caruana Galizia għalkemm ħadd mill-partijiet m’oġġezzjona għalih meta talab biex tkun iċċarata l-pożizzjoni f’dan ir-rigward.
Qal ukoll li kien qed jistenna soluzzjoni amikevoli, bl-avukat Jason Azzopardi f’isem il-familja, jgħid li ma jarax x’soluzzjoni hemm għax jew id-Deputat Kummissarju Valletta jkun parti mill-investigazzjoni jew le. Valletta hu miżżewweġ lill-Ministru Justyne Caruana u din hi l-oġġezzjoni ewlenija għalih.
Iżda, l-Imħallef xorta ddiferixxa b’din it-tama għal 20 ta’ Diċembru.