Meta toħroġ minn bieb ‘il barra bl-aqwa lbies lest għal lejl ta’ divertiment assigura li terġa’ tidħol lura qawwi u sħiħ.
Għalhekk minkejja li se tiċċelebra wara jekk se tixrob issuqx, dan għaliex il-konsegwenzi jistgħu jkunu koroh ħafna mhux biss għalik u għal dawk li jkunu fit-triq iżda anke għal ta’ madwarek.
Konsegwenzi li mhux biss jistgħu jkunu inċident ikrah iżda anke multi ħorox li jilħqu l-elf u ħames mitt ewro filwaqt li tista’ titlef ukoll il-liċenzja tas-sewqan.
Dan filwaqt li l-aġir tiegħek se jaffettwa ukoll persuni oħrajn – fosthom dawk li jkollhom bżonn id-demm għal operazzjoni jew għat-trattament kontra l-kanċer, dan hekk kif l-inċidenti jwasslu biex tonqos ir-riserva tad-demm.Kien għalhekk li t-Tlieta filgħodu numru ta’ entitajiet fosthom id-dipartiment tas-saħħa, il-protezzjoni ċivili u oħrajn tas-sewqan ingħaqdu biex jippromwovu messaġġ wieħed.
“Il-ħajja mhix logħba – jekk ser issuq tixrobx – uża t-trasport pubbliku.”
Messaġġ li spjegat is-sinifikat tiegħu d-Direttur tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-saħħa, Paula Vassallo. Qalet li “nafu li dawn iż-żminijiet aktar se joħorġu n-nies, iżjed jieħdu l-opportunita’ biex joħorġu mal-ħbieb u mal-familja, ikun hemm aktar opportunita’ għalihom biex jixorbu allura importanti li nafu li anke jekk wieħed jieħu grokk wieħed jista’ jaffettwa l-mod ta’ kif isuq.
Bl-appel hu li persuni li jikkunsmaw l-alkoħol għandhom jagħżlu bejn numru ta’ alternattivi. Alternattivi li fost oħrajn jinkludu l-użu tat-trasport pubbliku, taxis jew il-persuna torqod f’lukanda fl-istess post li jkun se jixrob. Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa spjegat li l-inċidenza ta’ persuni li jikkunsmaw l-alkoħol f’Malta f’perjodu ta’ ftit sigħat hija għolja.
B’dawn il-kampanji jidhru li ħallew il-frott mixtieq fl-aħħar snin hekk kif naqsu l-fatalitajiet b’konnessjoni m’inċidenti tat-traffiku matul ix-xahar ta’ Diċembru. Bix-xewqa hi li din is-sena jerġa’ jiġri l-istess.