William Agius ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar ġie kkudannat tliet snin ħabs u multa ta’ tliet elef ewro wara li wieġeb ħati flok għadda ġuri li kważi erbatax-il sena ilu nqabad b’aktar minn elfejn pillola ecstacy.
Fl-aħħar ġimgħat, il-każ ta’ William kien fl-aħbarijiet wara li tul das-snin kollha rriforma lilu nnifsu, qabad it-triq it-tajba u beda jgħin persuni li bħalu kienu mirkuba mill-vizzju tad-droga.Il-verdett tal-Imħallef Antonio Mizzi deher jintlaqa’ b’ferħ u biki minn William u qrabatu li deher jgħannaqhom qabel ġie eskortat lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
ONE News tkellem ma’ Charles Miceli, li fil-jiem li għaddew esprima l-opinjoni tiegħu dwar kif jemmen li Agius ma kellux jintbagħat fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin għaliex skont hu diġà kkoreġa ruħu.
Meta mistoqsi dwar x’jaħseb fir-rigward tas-sentenza mgħotija lil Agius, iċ-Chairperson ta’ Alleanza Kontra l-Faqar, Charles Miceli, qal li jinsab f’dilemma. Sostna li kien tajjeb li l-Maġistrat applika l-anqas sentenza possibbli li seta’ jgħati iżda xorta waħda jinsisti li f’każijiet hekk m’għandhomx jintbagħtu l-ħabs.
Miceli qal li l-Maġistrat għandu jkollu l-possibilita’ li f’każijiet bħal dawn jinstabu alternattivi oħra minflok jintbagħtu l-ħabs.