Matul il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta nħattet l-ewwel fabbrika fil-Marsa b’rabta mal-Junction tal-Marsa.
Huma bosta ħaddiema li qed jaħdmu fuq l-ewwel fażi tal-proġett tal-junction tal-Marsa fejn f’dan l-istadju ix-xogħlijiet maġġuri qed isiru matul il-lejl sabiex it-traffiku ta’ matul il-ġurnata ma jkunx affetwat.Il-proġett, li mistenni jdum għaddej madwar tliet snin, beda xahrejn qabel iż-żmien, meta fil-pjani oriġinali, kien skedat li jibda f’nofs Jannar li ġej.
Ix-xogħol li se jara l-bini ta’ seba’ flyovers li minn fuqhom se jgħaddu l-vetturi li jkunu sejrin minn naħa tal-Marsa għal Raħal Ġdid fost oħrajn, se jwassal ukoll għat-tneħħija tal-ħames sistemi tat-traffic lights eżistenti.
Il-proġett se jsir fuq tliet fażijiet, bl-ewwel fażi tat-twaqqigħ tal-fabbriki tintemm għal Marzu li ġej. Il-proġett ikompli bit-twessigħ u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Aldo Moro u aktar tard tissokta l-aktar parti kkumplikata tal-proġett bil-bini u t-tqegħid tal-flyovers.