Konferma li Delia għadu jrid il-paga doppja | One News

Notifiki

Konferma li Delia għadu jrid il-paga doppja

Persuni li fid-Dar Ċentrali llum kienu impenjati jgħinu fil-maratona ġbir ta’ fondi ħadu ħasda meta f’diskussjonijiet bejniethom u ma’ min jaf l-affarijiet finanziarji tal-PN saru jafu li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista għadu qed jippjana li jieħu l-paga ta’ Kap tal-Partit minbarra dik ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

L-imkejjen tagħna fid-Dar Ċentrali kkonfermaw din l-aħbar fl-aħħar minuti, ġimgħa wara li l-gazzetta KullĦadd żvelat somom fenomenali li se jitħallsu dawk li jagħmlu l-grupp ta’ madwar Delia u ngħataw ħatriet wara li appoġġjawh biex isir kap.

Delia kien qal f’intervista li ma fiha xejn li jieħu paga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u oħra ta’ Kap ta’ Partit. Imbagħad, taħt pressjoni, qal li jkun lest jagħmel dan meta l-Partit Nazzjonalista jkun finanzjarjament fis-sod. Issa mistenni jgħid li għandu pjan li jqajjem il-finanzi tal-PN u għalhekk hu ħaqqu jieħu l-ħlas mill-partit ukoll.

Delia u l-flus sa issa kienu dejjem sors ta’ aħbar. Dalgħodu l-gazzetta KullĦadd irrapportat li Delia, kien qed idaħħal €210 fis-siegħa mill-professjoni fl-istess żmien li għażel li ma jħallasx il-kontijiet tat-taxxa.

Dan it-tagħrif jirriżulta minn proċeduri f’kawża l-Qorti deċiża mill-Imħallef  Jaqueline Padovani Grima fl-aħħar jiem. Kawża li tkompli tqajjem mistoqsijiet dwar l-aġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni u d-dikjarazzjonijiet tiegħu.

Is-suġġett tal-kawża kien ħsara li sofriet il-kumpanija ta’ Aequitas Legal u l-partners Georg Sapiano u Adrian Delia wara li sar xogħol minn kumpanija bl-isem ta’ NET Pro u kien hemm ħsarat li fissru telf għal Sapiano, Delia u l-kumpanija.

Waqt is-smigħ f’din il-kawża Delia u Sapiano qalu li huma, personali bħala partners, jitħallsu b’rata ta’ €210 fis-siegħa.

Huma qalu li jaħdmu 10 sigħat kuljum. Li jfisser li Delia qal li jdaħħal €2,100 kuljum. Fil-każ ħadu medja tad-ditta li fiha 10 avukati, għax min mhux partner jitħallas inqas, u qalu f’jumejn tilfu €20,000 għax ma setgħux joħorġu l-kontijiet.

Jidher li Delia jrid jagħmel tajjeb għal dan it-tip ta’ dħul.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend