“Irridu nipprovdu l-għodda neċessarja biex niġġieldu l-kriminalità onlajn” – Miriam Dalli – One News

Notifiki

“Irridu nipprovdu l-għodda neċessarja biex niġġieldu l-kriminalità onlajn” – Miriam Dalli

Il-vittmi ta’ abbuż u kriminalità onlajn għandhom bżonn għodda neċessarja sabiex jipproteġu lilhom infushom minn aktar konsegwenzi negattivi inkluż ħsara lir-reputazzjoni tagħhom.

Il-MPE Laburista Miriam Dalli, stqarret dan waqt li ndirizzat konferenza fuq l-għajnuna li tingħata lill-vittmi tal-kriminalità onlajn, organizzata mill-Victim Support Europe fi Brussel. Din l-għaqda mhux governattiva avviċinat lil Dalli wara x-xogħol tagħha fil-Parlament Ewropew b’rabta mal-abbuż tat-tfal onlajn u l-implimentazzjoni tad-Direttiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal onlajn.

“Il-vittmi jrid ikollhom aċċess għall-informazzjoni fuq kif jirrapurtaw każijiet ta’ kriminalità onlajn, kif jipproċedu, x’inhuma d-drittijiet tagħhom u kif għandhom jaqbżu għad-drittijiet tagħhom f’każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jilħqux l-aspettativi tagħhom, lil min jistgħu jkellmu, x’għandhom jistennew u kif jipproċedu kontra min jagħmel ir-reat kriminali filwaqt li jintgħataw l-aħjar protezzjoni”, qalet il-MPE Laburista.

Dalli saħqet li l-gvernijiet għandhom jaraw li l-ġustizzja ma’ vittmi ta’ kriminalità onlajn mhux biss issir imma tidher li qed issir. Barra minn hekk, il-pubbliku jrid ikun mgħammar bl-għodda u l-informazzjoni neċessarja sabiex jipproteġi lilu nnifsu minn diversi riskji.

Il-MPE Laburista ħeġġet lil dawk li jagħmlu użu mill-internet biex joqogħdu aktar attenti dwar x’jitfgħu onlajn minħabba li informazzjoni personali tista’ tinxtered mingħajr ma wieħed jifhem il-konsegwenzi ta’ dan. Pereżempju, Dalli spjegat kif diversi ġenituri jitfgħu ritratti ta’ wliedhom onlajn mingħajr ma jirrealizzaw li qed jikxfu informazzjoni importanti bħal f’liema skola jmorru u anke l-ħin li dawn jibdew jew jispiċċaw l-iskola.

“Insakkru d-djar tagħna għax fihom għandna affarijiet personali iżda imbagħad ma nipproteġux bl-istess mod l-affarijiet tagħna onlajn bħal pereżempju ċerta informazzjoni personali u dik finanzjarja.”, qalet Dalli.

Dalli kkonkludiet billi saħqet li l-gvernijiet u l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jipproteġu liċ-ċittadini mid-dinja onlajn ukoll.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend