Id-Dritt ta' sħubija fil-Union huwa Dritt Uman | One News

Notifiki

Id-Dritt ta’ sħubija fil-Union huwa Dritt Uman

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għad-Drittijiet Umani l-General Workers’ Union tiddikjara li d-dritt ta’ sħubija fil-union huwa wkoll dritt uman. Kemm id-diversi konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) jitkellmu dwar id-dritt ta’ sħubija f’għaqda tal-ħaddiema, kif ukoll l-istess Unjoni Ewropea tiddikjara li hija mibnija fuq ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, id-demokrazija, is-saltna tad-dritt u fuq kollox, fuq id-drittijiet umani.

“Bħala General Workers’ Union nemmnu li d-dritt li tissieħeb fil-union huwa dritt li l-awtoritajiet tal-pajjiż għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex dan ikun imħares u garantit fid-dinja tax-xogħol.”

IL-GWU tistqarr li Malta hija Repubblika Demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu. Għalhekk huwa ferm importanti li l-ħaddiema Maltin ma jħallu lil ħadd ixekkillhom milli jissieħbu fil-union ħalli jiggarantixxu l-aħjar kundizzjonijiet għall-impjieg tagħhom.

Hekk kif illum pajjiżna jinsab għaddej mill-akbar tkabbir ekonomiku ta’ dawn l-aħħar żminijiet, in-numru ta’ ħaddiema li qed isibu impjieg li permezz tiegħu jibnu l-futur tagħhom qed dejjem jiżdied.

“Għalina bħala GWU, l-futur huwa issa u għalhekk ninsabu lesti biex kif dejjem għamilna matul is-snin inkunu l-protezzjoni ewlenija tal-ħaddiema f’pajjiżna. Id-dritt ta’ sħubija fil-union huwa dritt uman, u l-ħaddiema bla biża’ għandhom jagħmlu użu minn dan id-dritt.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend