Farrugia b'appoġġ għal pjani ta' aktar fondi Ewropej għall-innovazzjoni f'Malta | One News

Notifiki

Farrugia b’appoġġ għal pjani ta’ aktar fondi Ewropej għall-innovazzjoni f’Malta

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia jinsab f’Varsavja għall-konferenza ‘Friends of Cohesion’ bħala parti mid-diskussjoni fuq il-futur tal-politika ta’ koeżjoni fi ħdan il-qafas ta’ diskussjoni wiesgħa relatata mal-finanzjament Ewropew wara l-2020.

Aaron Farrugia kkontribwixxa għal din il-konferenza ta’ livell għoli ma’ ministri minn stati membri oħrajn u kellu sensiela ta’ laqgħat bilaterali mal-ministri kontraparti Pollakki. Minn Varsavja, Aaron Farrugia qal:

“Il-konferenza kienet opportunità importanti biex nimbuttaw il-viżjoni ta’ Malta fuq il-futur tal-politika ta’ koeżjoni flimkien mal-imsieħba Ewropej”.

“Hemm sfidi baġitarji quddiemna minħabba l-vojt finanzjarju li se jħalli warajh Brexit u l-prijoritajiet Ewropej emerġenti. Madanakollu, kien hemm ftehim ġenerali li hemm bżonn inkunu aktar kreattivi u innovattivi fil-futur biex niżguraw li nimmassimizzaw il-valur miżjud minn kull ewro investit. L-użu ta’ strument finanzjarju hu mezz kif dan jista’ jsir imma xorta waħda hu importanti li nżommu taħlita tajba bejn l-istrumenti finanzjarji u l-għotjiet biex niżguraw li l-istimuli tajbin ikunu disponibbli għal negozji żgħar u medji f’Malta biex jikbru u jinvestu”.

“Ninsab ħerqan biex nara aktar fondi disponibbli għall-innovazzjoni f’Malta. Bħala pajjiż żgħir b’ekonomija dinamika u teknoloġika li qed tikber kontinwament, ninsabu f’pożizzjoni tajba biex nagħmlu użu minn fondi għall-innovazzjoni fil-futur. L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huma vitali biex niżguraw tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul”.

“Hekk kif jibdew id-diskussjonijiet rigward il-futur tal-fondi Ewropej, ninsab kuntent li hemm ftehim madwar l-UE dwar l-importanza tal-innovazzjoni. Din hi aħbar pożittiva għal Malta fejn aħna ninsabu f’pożizzjoni tajba biex nieħdu l-opportunitajiet li hemm quddiemna”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend