Abdulkadir Ahmed Mohammed, Somalu ta’ ħamsa u tletin sena ma ingħatax il-ħelsien mill-arrest hekk kif m’għandux residenza fissa. Huwa tressaq il-Qorti f’jum ta’ festa pubblika akkużat li għal ħabta ta’ nofs il-lejl ta’ jumejn ilu, fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan hedded jew għamel offiża fuq persuna inkarigata mis-servizz pubbliku.
Kien akkużat ukoll li kellu fil-pusses tiegħu r-raża meħuda mill-pjanta Cannabis u li rrenda ruħu reċediv.
Għas-somalu dehret l-avukat tal-għajnuna legali, Yanika Bugeja li spjegat kif id-difiża mhux tikkontesta l-arrest f’dan l-istadju. L-imputat wieġeb mhux ħati u staqsa għall-possibilta li jmur lura f’pajjiżu, bil-Maġistrat Charmaine Galea sostniet li l-ħelsien ma jistax issir minħabba n-nuqqas ta’ indirizz fiss. Dan filwaqt li spjegat li ladarba nbdew il-proċeduri kriminali, dawn iridu jieħdu l-kors tagħhom.