L-akbar sodisfazzjon huwa s-sentiment pożittiv tan-nies. Dan kliem il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tkellem dwar it tkabbir ekonomiku rekord – l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku fit-tielet kwart tas-sena li rreġistra pajjiżna.
Chris Cardona qal li dan huwa l-ogħla tkabbir fiż-żona ewro. Riżultat li stqarr li Gvern waħdu ma seta’ qatt jasal għalih speċjalment meta kontinwament affaċċja kampanja ta’ negattivita’ u biża’ u fuq kollox irresponsabbli min-naħa tal-Oppożizzjoni.
Huwa fakkar fis-settur tal-manifattura li amministrazzjonijiet passati kienu litteralment qatgħu qalbhom minnu jew saħansitra għamlu l-imħattri li se jispiċċa.
Settur li stqarr li jibqa’ ċentrali biex ikompli jkun sostnut it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna, li jikontribwixxi aktar minn ħdax fil-mija tal-impjiegi full-time.
Fakkar ukoll kif din l-aħbar waslet f’ġimgħa li matulha ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea l-Baġit għas-sena d-dieħla.
Żied billi ħabbar li l-ħidma fuq il-Baġit għas-sena d-dieħla diġa’ bdiet u l-ħidma se tkun ikkaraterizzata minn proġetti kbar ġodda partikolarment f’Għawdex.
Temm billi qal li l-istatistika tal-lum turi li fuq kollox Malta mhix pajjiż tal-bailouts u bozoz ħomor imma tal-akbar tkabbir ekonomiku qatt irreġistrat.