Ġustizzja à la carte | One News

Notifiki

Ġustizzja à la carte

Kont ilni ftit ma nikteb xi ħaġa, iżda ma stajtx ma ngħid xejn b’dak li rajt ilbieraħ u dalgħodu stess fuq social media b’rabta mal-arresti li saru lbieraħ.

Mhux l-iskop tiegħi li nkun politiku, għax il-ġrajja tal-bieraħ, jew aħjar l-operazzjoni li wettqu l-Pulizija, is-Servizzi tas-Sigurtà u l-Armata, ma jixraqilhomx li nwaqqgħuha f’logħba hekk meta r-riskju li ħadu lkoll biex kollha kemm aħna, Laburisti u Nazzjonalisti, ngħixu f’ambjent aktar sigur.Bla tlaqliq iżda jien ngħid li mhux kulħadd jixtieq li jissolva l-qtil makabru tal-blogger Daphne Caruana Galizia għax l-interessi ta’ dawn in-nies jiddettaw mod ieħor. Biex inkun ċar, mhux qed nitkellem fuq il-familja, avolja bir-rispett kollu dovut ir-reazzjonijiet mhux dejjem nifhem l-animu tagħhom, iżda huma tilfu persuna għażiża u zgur m’għandiex l-iċken dubbju li jridu li ssir ġustizzja.

Jien qed nitkellem fuq nies li ħarġu fit-toroq jitolbu l-ġustizzja, iżda qed jippruvaw jostakolha b’kull mod possibli.

Dawk li għalihom il-Ġustizzja a’ la carte, fejn jaqbilhom jitkellmu fuq il-ġustizzja biex tinstab, u fejn le, joqgħodu kwieti jew agħar ifixxklu. Donnu jrid jġebbdu l-biċċa bħal lakstuwa sabiex jieħdu li jistgħu minnha.

Il-verità hi li fl-istess ħin li kien hemm min qed iwaddab it-tadam ma’ wiċċ il-Kummissarju tal-Pulizija, fl-istess ħin li kien hemm min qed iwaddab l-ajruplani bil-karti bi kliem ta’ theddid fih, il-Korp u s-servizzi tas-sigurtà kollha f’pajjiżna bl-għajnuna ta’ entitajiet barranin, kien qed ifasslu pjan biex jinġabru s-suspettati.

Punt ieħor … l-istituzzjonijiet u s-saltna tad-dritt. Kemm hawn min qal li mhux qed jaħdmu. Mhux qed jaħdmu kif? Il-Pulzija u l-Forzi tas-Sigurtà qabdu s-suspettati, għandhom 48 siegħa bil-liġi biex ikunu interrogati. Wara l-interogazzjonijiet jitressqu l-Qorti u jibdew jitressqu l-provi. Il-Prim Ministru jagħmel konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar l-aresti, iżda jieħu parir mill-Avukat Ġenerali biex ma jkun preġudikat il-każ bħal ma seħħ fl-2002. Dawn huma l-istituzzjonjiet jaħdmu fil-prattika.

Ma nistax ma nsemmiex lill-Oppożizzjoni għalkemm kif għedt ma rridx inkun politiku. Imma mhux disperament li jsir attakk fuq il-Kummissarju tal-Pulizija għax attenda ċerimonja ta’ kuntistabbli ġodda? Mela l-arresti mhux aktar qabel saru? Għalfejn dawn il-ħafna stejjer bla sens?

Dawn huma l-istess nies li qalu li ma mxejniex pass fl-investigazzjonijiet.

Tweġġa’ wkoll li tara kummenti ta’ nies li għandhom rwoli importanti li jgħidu li dak li sar ilbieraħ kien messa in scena. Dawn huma dawk in-nies, li jieħdu pjaċir biss li jkunu ma’ 4 bħalhom iduru barra fit-toroq bil-kartelluni, iwaddbu l-affarijiet u jwerżqu u jgħajjtu, u ma jinteressahom xejn aktar.

Sfortuna li hawn min il-ġustizzja għalih tagħżilha minn fuq menu.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend