MSC Seaview se tkun varata f’Civitavecchia l-Italja fit-2 ta’ Ġunju 2018 u kull ġimgħa se ssalpa mal-Mediterran minn Malta sal-14 ta’ Novembru u ġġib aktar minn 120,000 passiġġier lejn pajjiżna.
Dan tħabbar miċ-Chairman Eżekuttiv tal-MSC Cruises Pierfrancesco Vago waqt il-wasla tal-vapur MSC Seaside, fil-port ta’ Trieste. MSC Cruises nidew il-vapur il-ġdid MSC Seaside fil-Port ta’ Trieste hekk kif daħal l-ewwel darba f’port tal-cruises tradizzjonali wara li ġie rilaxxat minn Fincantieri, l-ikbar kumpanija Taljana tal-bini tal-vapuri fl-Ewropa. MSC Seaside u MSC Seaview huma żewġ cruise liners identiċi.“Id-dħul tal-MSC Seaside fil-flotta tagħna huwa pass ieħor importanti fl-istorja u l-futur tal-Kumpanija tagħna, u anki mument kruċjali għall-industrija. Il-flotta ta’ vapuri Seaside hija ddisinjata biex tqarreb lill-passiġġieri aktar lejn il-baħar waqt vjaġġi f’ilmijiet kalmi u ġranet xemxin, fl-istess waqt tkompli timplimenta teknoloġiji marittimi ġodda u oħrajn li jpoġġu l-passiġġieri fiċ-ċentru tal-ħajja fuq il-vapur. Biż-żieda ta’ MSC Seaside u MSC Seaview fil-pjan ta’ investiment tagħna, issa qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex inkomplu nestendu fuq skala globali. Il-pjan hu li nvaraw tal-inqas vapur ġdid fis-sena sas-sena 2026. Sitt vapuri ġodda se jkunu varati bejn l-2017 u l-2020.” qal Mr Vago.
MSC Seaside huwa l-ewwel vapur tal-flotta l-ġdida Seaside u prototip kompletament ġdid ta’ disinn u teknoloġija innovattiva. Jiflaħ 5, 119 passiġġier, 1413-il membru tal-ekwipaġġ, il-vapur huwa mega-cruise ship ġdid tal-ġenerazzjoni futura tal-flotta tal-MSC Cruises u l-ewwel wieħed li nbena minn Fincantieri. MSC Seaside telqet tbaħħar lejn Miami fi vjaġġ trans-Atlantiku ta’ 21 ġurnata għaċ-ċerimonja tal-isem fil-21 ta’ Diċembru. MSC Seaside se tkun Miami u se tibda tbaħħar fil-Karibew f’bosta portijiet fil-Lvant u l-Punent tal-Karibew. MSC Seaside ittajjar il-bandiera Maltija u l-vapuri l-ġodda tal-MSC Cruises se jkunu kollha reġistrati Malta.
MSC Cruises kburija li hija fost l-iktar popolari fid-dinja u twassal eluf ta’ passiġġieri lejn pajjiżna. Din is-sena numru rekord ta’ passiġġieri – 780, 000 huma mistennija li jżuru Malta.