L-Airmalta mhux se tibqa' tagħmel telf | One News

Notifiki

L-Airmalta mhux se tibqa’ tagħmel telf

Sa l-aħħar ta’ Marzu li ġej, jiġifieri sa tmiem is-sena finanzjarja li ġejja, l-kumpanija Airmalta mhux ħa tibqa’ tagħmel it-telf.

Tħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet wara t-tmiem tal-laqgħa ġenerali annwali li fiha sar magħruf li matul is-sena finanzjarja li għaddiet sar telf ta’ ftit aktar minn tlettax-il miljun ewro.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega kif inizzjattivi bħal tal-GO Light diġa żiedu b’mod konsiderevoli d-dħul tal-Airmalta. Filfatt sa minn mindu tnediet l-inizzjattiva tal-GO Light, f’Settembru li għadda, saru mija tmienja u erbgħin elf booking, b’sebgħin fil-mija minnhom ġejjin minn postijiet barra minn Malta.

Il-Ministru Mizzi spjega wkoll li lejn l-ewwel kwart tas-sena d-dieħla se jiġi introdott servizz ta’ ikel ġdid għal dawk li jtiru mal-Airmalta bħala economy class. Saħaq li fit-tieni kwart tal-elfejn u tmintax se jitjieb is-servizz biex dawk li jtiru business class jieħdu esperjenza mill-aqwa matul it-titjira filwaqt li se jiġi aġġornat il-frequent flyer programme matul l-aħħar kwart tas-sena d-dieħla.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-kumpanija qed tħares li matul is-sajf li ġej tibda ttajjar disa’ ajruplani bil-possibilità li jiżdied l-għaxar ajruplan. Dan filwaqt li se jkun hemm żieda ta’ sebgħa fil-mija fil-ħinijiet tat-titjir għall-ajruplani biex jiġi massimizzat l-użu tal-ajruplani. F’dan il-kuntest, il-Ministru Konrad Mizzi fakkar ir-rotot ġodda tal-Airmalta, hekk kif il-kumpanija tal-ajru qed timraħ fi swieq ġodda u oħrajn li kienet fihom qabel sabiex iżżid id-dħul.

Fil-preżenza tal-President Emeritu George Abela, li qed jmexxi t-taħdidiet għal ftehim kollettiv mal-ħaddiema kollha, il-Ministru Mizzi fakkar li diġa ngħalqu żewġ ftehim kollettiv mal-membri tal-ewkipaġġ u mal-Inġiniera filwaqt li qal li qed iħares ‘il quddiem biex sa tmiem din is-sena jingħalqu oħrajn fosthom mal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti, l-ALPA.

Hawnhekk il-Ministru għat-Turżmu spjega li l-ħaddiema tal-Airmalta tħallew snin twal mingħajr ftehim kollettiv u issa ninsabu f’sitwazzjoni fejn l-Airmalta trid tespandi u huwa fl-interess ta’ kulħadd li jintlaħaq qbil. Intant fi preżentazzjonijiet li għamlu l-Kap Finanzjaru Klaus Gossler u l-Kap Kummmerċjali tal-Airmalta Paul Sies intqal li waħda mir-raġunijiet tat-telf li għamlet l-Airmalta matul is-sena finanzjarja li għaddiet kien minħabba li kien hemm hedging fuq il-fjuwil meta dan finalment raħas.

Ġie spjegat ukoll li fis-sena finanzjarja li għaddiet, id-dħul naqas bi ħdax punt erbgħa fil-mija iżda wieħed irid jikkunsidra li l-kumpanija naqset ukoll il-flotta b’għoxrin fil-mija. Iż-żewġ uffiċjali tal-Airmalta qalu wkoll li l-kumpanija frankat kważi sbatax-il miljun ewro iżda saħqet li dan l-ammont jista’ jikber ferm iżjed. Huma qalu wkoll li fuq medda ta’ ħames snin se jsir investiment ta’ sitt miljun ewro fuq is-sistemi tat-teknoloġija informatika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend