JAKE, VALENTINA U BEN dawn huma l-ismijiet ta’ tlett itrabi mill-mija u erba li twieldu bl-IVF fl-Isptar Mater Dei minn Jannar ta’ sentejn ilu sa din is-sena.
Numru li qabeż il-mija fl-aħħar jiem meta erba’ koppji oħra saru ġenituri wara li l-proċess tal-IVF kien suċċess.
One News jinsab informat li fl-isptar Mater Dei saru ftit anqas minn sitt mitt ċiklu tal-IVF.
Ċikli li wasslu biex disà u tmenin koppja llum saru ġenituri ta’ wieħed u sittin tifla u tlieta u erbgħin tifel. Tfal li fosthom kien hemm tlettax-il sett ta’ tewmin u sett wieħed ta’ triplets.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-awtorità tal-protezzjoni tal-embrijun, Simone Attard, spjegat l-emozzjoni li jħossu dawn il-koppji meta wara proċess twil u diffiċli jilqgħu f’idejhom it-tarbija.