Jinfetħu l-uffiċini l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika – One News

Notifiki

Jinfetħu l-uffiċini l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika

Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika fetħet il-bibien ġodda tagħha f’Santa Venera fejn se sservi ta’ ċentru fejn tingħaqad il-ħidma tal-għaqdiet kollha li jaħdmu f’dan il-qasam.

L-uffiċċji tal-Kummissjoni se jinkludu wkoll faċilità għar-riċerka, dan permezz ta’ ftehim ta’ koperazzjoni ffirmat waqt l-istess inawgurazzjoni mal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika biex tinġabar statistika aħjar minn diversi entitajiet. Dan il-ftehim se jwassal biex titjieb il-livell t’analiżi t’informazzjoni lokali u biex Malta tilħaq l-istandards mitluba mill-konvenzjoni t’Istanbul u tkun  konformi ma’ metadoloġiji stabbiliti mill-Kummissjoni  Ewropea. Waqt l-inawgurazzjoni tal-uffiċċji,  il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju rridu narawh fl-isfond tax-xogħol l-ieħor li qed isir biex pajjiżna jkun armat biex jikkumbatti l-pjaga tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Hija semmiet il-liġi li għandha tiġi approvata mill-Parlament nhar it-Tnejn li ġej. Semmiet ukoll l-istrateġija li għadha kif ġiet varata li se tgħin biex ix-xogħol f’dan il-qasam ikun ikkordinat bejn il-ministeri differenti.

“Irridu nifmhu li l-vjolenza hija  pjaga fis-soċjetà u filwaqt li l-liġi u l-istrateġija huma importanti rridu nisimgħu lill-vittmi u naraw li jkunu protetti anke fix-shelters. Irridu nitfgħu l-lenti kontinwament dwar il-gravità ta’ dawn is-sitwazzjonijiet u mhux biss meta nisimgħu b’fatalità”, qalet Helena Dalli.

Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza  Domestika Joe Gerada esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li bil-liġi l-ġdida l-Kummissjoni se tingħata iktar riżorsi u awtonomija biex issaħħaħ il-ħidma tagħha.  “Din hi ħolqa oħra fl-iżvilupp li qed iseħħ fil-qasam tal-vjolenza domestika f’pajjiżna”, qal Gerada.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend