Ġiet inawgurata b’mod uffiċjali l-Iskola Nazzjonali tal-Isport li tinsab f’Pembroke. Tul dawn l-aħħar sentejn l-iskola, li ilha topera minn Settembru tal-2012, imxiet fil-binja ta’ Pembroke.
Waqt l-inawgurazzjoni, is-Surmast George Micallef qal li l-iskola qed tilħaq l-aspettattivi tagħha hekk kif din is-sena ħarġu l-ewwel studenti, li fil-maġġoranza tagħhom komplew jistudjaw f’istituzzjonijiet post sekondarji. Dan waqt li għadd minnhom irnexxielhom jilħqulivelli ogħla fejn jidħol l-isport.
Hu sostna li f’din l-iskola, kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud, l-istudenti ma jitgħallmux biss sport, iżda s-sillabu akkademiku kollu bħal kull skola oħra.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal lill-ġenituri preżenti għall-inawgurazzjoni, li waqt li rridu nimmiraw għall-ogħla standards, ma rridux inkissru lit-tfal.
Dawn filwaqt li appella biex it-tfal jitħallew jiżviluppaw bil-mod tagħhom.