Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha wara li ħallelin battlu ħanut tal-ġojjellerija f’Tas-Sliema u wettqu serqa oħra fi stabbiliment tal-ħwejjeġ f’dik li qed tiġi deskritta bħala serqa ppjanata sal-inqas dettall.
Huwa mifhum li:
- Il-ħallelin daħlu minn residenza ta’ anzjan li riċentament mar jgħix ġo dar tal-anzjani
- Ħattew parti mill-ħajt tal-kċina biex daħlu fl-istabbiliment tal-ħwejjeġ Dorothy Perkins
- Wara li daħlu f’dan l-istabbiliment qalgħu l-knatan u daħlu għall-ħanut tal-ġojjellerija
- Il-ħanut tal-ġojjelerija tbattal minn kull ħaġa ta’ valur. Saħansitra ġie sgassat is-safe
Huwa mifhum li l-alarm tal-ħwienet ma daqqewx. sorsi fuq il-post qalu lil one.com.mt li nsterqu r-recordings tal-cameras tas-sigurtà kollha.
Kien għall-ħabta tal-10.10 li sid il-ħanut talab għall-għajnuna tal-Pulizija wara li kif daħlet l-impjegata ma sabet xejn għajr għal kaxxi vojta u vettrini sgassati. Fil-ħin li saret is-serqa, huwa mifhum li ma kien hemm ħadd fl-istabbiliment.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Anthony Vella.