Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jinsab f’baħar ta’ inkwiet. Wara li l-Erbgħa filgħaxija tmien deputati Nazzjonalisti vvotaw kontra l-linja tal-partit dwar mozzjoni tal-Oppożizzjoni fuq il-liġi tal-IVF, fl-aħħar jiem is-sitwazzjoni kompliet sejra għall-agħar wara li l-Partit Nazzjonalista kkonferma li se jkun qed ibigħ numru ta’ każini.
Dan bil-kontra ta’ dak li kien wiegħed Delia tul il-kampanja għall-ħatra ta’ kap tal-partit.
Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ ONE NEWS li membri ta’ bosta kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista, fosthom dawk ta’ Fleur De Lys, jinsabu urtati bil-kbir għall-Kap wara li kiser il-wegħda li ma jmiss l-ebda każin.
One News jinsab informat li l-Erbgħa filgħaxija saret laqgħa fil-bini tal-Parlament ma’ membri mill-kumitat sezzjonali ta’ Santa Venera biex jiddiskutu l-ġejjien tal-każin ta’ Fleur de Lys. Ingħad li laqgħa ma ntemmitx kif xtaq Delia u n-nies ta’ madwaru bil-membri tal-kumitat jesprimu l-ogġġezzjonijiet tagħhom li jitilqu minn taħt idejhom il-każin.
Ingħad li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-partit kompliet sejra għall-agħar tant li l-ħaddiema tal-partit tħallew bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa meta lissnu t-tħassib tagħhom ma’ Pierre Portelli, il-kap il-ġdid tal-midja tal-partit.
Qalu li d-dħul mir-reklamnatar kompla sejjer għall-agħar u d-donazzjonijiet komplew jixxottaw. Qal li l-maratona ta’ Settembru ma saritx minħabba l-elezzjoni għall-kap, bil-konsegwenza li l-partit spiċċa f’qagħda li m’għandux biex iħallas l-impjegati tiegħu.
Sostnew li l-uniku flus li fadal fil-bank huma dawk taċ-ċedoli li qatt ma kienu intiżi biex jitħallsu s-salarji tal-impjegati. Żied jingħad li jekk l-amministrazzjoni l-ġdida tmiss iċ-ċedoli għas-salarji, il-Partit Nazzjonalista jibda jħabbat wiċċu ma’ problemi oħra mal-banek li skont il-Viċi Kap Nazzjoalista Robert Arrigo għamlu 10 snin ma riedux jafu bihom.
Fid-dawl ta’ dan, l-istess sorsi żvelaw li f’Jannar li ġej, il-Partit Nazzjonalista mistenni jbigħ ukoll il-każin ta’ Bormla u tal-Floriana. Ingħad li fil-proċess hemm każin ieħor li Delia qed jippjana li jneħħi, iżda qed isib rivolta mill-membri tal-kumitati sezzjonali.
Fil-Mosta Delia kien sostna li l-każini kellhom jissaħħu u mhux jinbiegħu, kif qed isir bħalissa.