Andrea Bugeja ta’ dsatax-il sena u Massimo Fasanelli ta’ tmintax il-sena, it-tnejn minn Tas-Sliema ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja li fil-bidu ta’ Settembru li għadda serqu bejn disa mija u ħamsin ewro u elf u ħames mitt ewro minn dar f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn it-tmienja u d-disgħa ta’ Settembru li għadda.
Filmat li ttieħed minn cameras tas-sigurtà fil-madwar juri liż-żewġ żgħażagħ telgħin u neżlin fit-triq, jixegħlu u jitfu torċ u wara jidhru lura fuq il-post lebsin ħwejjeġ differenti.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ akkużati minħabba l-età tagħhom u l-fatt li t-tnejn li huma sabu impjieg. Qalet li l-fatt li jintbagħtu l-ħabs ma kienx se jgħinhom biex jaqbdu t-triq it-tajba.
Ingħad li t-tnejn li huma kienu jgħixu mal-qraba tagħhom u kellhom indirizz u għalhekk iċ-ċans li jaħarbu mill-pajjiż kien minimu ħafna.
Madankollu, il-prosekuzzjoni wieġeb li Bugeja diġà kiser il-fiduċja tal-qorti meta kiser il-kundizzjonjiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest.
Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Parole u l-Probation xehed li Fasanelli kellu problema ta’ droga u kienx qed iżomm mal-appuntamenti mal-uffiċjal imqabbad biex jieħu ħsiebu. Żied jgħid li ż-żagħżugħ lanqas ma wera motivazzjoni biex jaħdem.
Fid-dawl tan-natura tar-reat u l-fatt li l-akkużat kien jaf lill-allegati vittmi u li għadhom ma xehdux fil-każ, il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Dwar Fasanelli, il-qorti osservat ukoll li ż-żagħżugħ wera nuqqas ta’ fiduċja u għalhekk ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-qorti qiegħdet liż-żewġ żgħażagħ taħt ordni ta’ superviżjoni.