“Malta qiegħda fil-proċess li tniedi bank ta’ żvilupp tagħha stess.”
Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna waqt il-Konferenza għall-Gvernijiet Lokali tal-Commonwealth.
Huwa enfasizza li dan il-bank se jkun qed jindirizza fallimenti tas-suq fejn, minħabba restrizzjonijiet regolatorji dejjem jiżdiedu, il-banek kummerċjali kellhom riskju akbar minn negozji.
Scicluna tkellem ukoll dwar inċentivi li rriżultaw fil-parteċipazzjoni dejjem tiżdied tan-nisa fis-settur tax-xogħol.
Fost dawn l-inċentivi huwa semma it-tnaqqis fit-taxxa, iċ-childcare b’xejn, u t-tnaqqis fil-benefiċċji soċjali.
Il-Ministru qal li Malta, flimkien ma’ pajjiżi oħra, tikkontribwixxi għal bosta proġetti madwar id-dinja, bħal fil-każ tal-Afrika Sub-Saħarjana.
Meta tkellem dwar ir-rwol ta’ Malta fil-kwistjoni migratorja, huwa enfasizza li l-enfasi ta’ Malta hija primarjament dwar l-iżvilupp.
Rigward il-kunsilli lokali f’Malta, il-Ministru Scicluna qal li f’Malta l-Gvern ftit jista’ jiddeċentralizza meta wieħed iqis li l-pajjiż żgħir tagħna huwa diġa’ maqsum f’68 kunsill lokali iżgħar, bir-riżultat li jbatu minn nuqqas ta’ economies of scale b’kuntrast ma’ pajjiżi akbar.