Business 1st żamm l-ewwel programm ta’ taħriġ iddedikat għan-negozjanti, b’mod partikolari dawk ta’ SMEs, fi sforz biex jissaħħu l-ħiliet tal-intrapriżi u l-potenzjal tagħhom li jirnexxu.
Dan it-taħriġ se jkun parti mill-programm ta’ ristrutturar li sar fil- Business 1st sabiex dan iċ-ċentru jkompli joffri servizz aktar ħolistiku għal min irid iwaqqaf negozju ġdid u kull għajnuna neċessarja għal negozji eżistenti.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona saħaq kif is-suċċess attwali tal-ekonomija ta’ pajjiżna hija saħħa tan-nies kapaċi flimkien ma’ intraprendituri innovattivi u kuraġġużi. Il-progress ekonomiku tal-pajjiż huwa marbut b’mod qawwi mal-kapital uman. Il-Ministru sostna li hemm bżonn ta’ iktar flessibilità fis-suq tax-xogħol u sinerġija bejn l-istat, il-privat u l-istituzzjonijiet edukattivi biex pajjiżna jagħlaq is-skills gap preżenti u dawk meħtieġa għall-ekonomija ta’ għada.
Il-programm ta’ taħriġ offrut minn Business 1st inkorpora numru ta’ setturi relattivament ġodda li qed jsiru iktar essenzjali għan-negozju ta’ llum. Dawn kienu jinkludu l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data, cyber security awareness, it-teknoloġija tal-blockchain u online marketing fost l-oħrajn.
Il-Ministru Cardona rringrazzja wkoll lil GRTU tal-kollaborazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva, filwaqt li ħeġġeġ lin-negozjanti lokali biex jagħmlu użu minn dawn ir-riżorsi.