Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-abbozz tal-Budġet ippreżentat mill-Gvern Malti għas-sena d-dieħla huwa ġeneralment konformi mar-regoli tal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbilità tal-Unjoni Ewropea.
Fl-analiżi tal-budget li ppreżentaw tmintax-il pajjiż taż-Żona Ewro x-xahar li għadda, il-Kummissjoni wissiet sitt pajjiżi fosthom il-Belġju, l-Italja, l-Awstrija u l-Portugall li l-pjan baġitarju tagħhom jaf ma jwassalhomx biex jilħqu l-miri marbuta mad-defiċit u d-dejn fost l-oħrajn.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-Budget mressaq mill-Gvern Malti għas-sena d-dieħla hu plawsibli. Qalet li l-pjan tal-budget hu konformi fil-wisa mar-regola tal-Unjoni Ewropea.
Fil-bidu taċ-ċiklu ta’ tnax-il xahar ta’ governanza ekonomika u fiskali magħruf bħala s-Semestru Ewropew għall-2018, il-Kummissjoni tat l-approvazzjoni lill-Gvern Malti u għaxar pajjiżi oħrajn fiż-żona ewro, iżda wissiet lil ħames pajjiżi li l-budgets li ppreżentaw f’Ottubru huma f’riskju li ma jilħqux il-miri tal-Patt tat-Tkabbir u Stabbiltà li fih għadd ta’ regoli maħsuba biex jiżguraw li l-pajjiżi jkollhom finanzi pubbliċi sodi kemm fil-livell tad-dejn kif ukoll tad-defiċit.
Fost il-pajjiżi li ġew imwissija b’possibiltà ta’ nuqqas ta’ konformità hemm il-Franza u Spanja li jinsabu fil-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.
Dwar l-Italja, il-Kummissjoni qalet li tinsab imħassba dwar id-dejn għoli tal-pajjiż.
Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar Malta, il-Kummissjoni qalet li l-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali f’Malta huwa pożittiv ħafna.
Innotat ukoll li meta mqabbel mal-Prodott Domesiku Gross, id-dejn tal-Gvern baqa’ nieżel u llum jinsab taħt is-60 fil-mija.
Qalet li l-ambjent ekonomiku b’saħħtu flimkien ma’ għadd ta’ miżuri wasslu għall-qawmien mill-ġdid fis-suq tal-proprjetà.Il-Kummissjoni tkellmet ukoll dwar is-suq tax-xogħol f’pajjiżna. Qalet li t-tkabbir b’saħħtu fis-suq tax-xogħol kompla jiġi akkumpanjat minn tnaqqis fil-qgħad.
Qalet li b’mod ġenerali, is-sitwazzjoni ekonomika f’Malta turi dinamiżmu b’saħħtu fil-kont finanzjarju tal-Gvern u għalhekk il-Kummissjoni qalet li ma tarax li għandha tanalizza aktar fid-dettall il-pjan baġitarju ta’ Malta.