Fil-Parlament, illejla l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kompla jattakka l-liġi li tagħti d-dritt ta’ mitt siegħa leave lil kull min ikun għaddej minn trattament tal-IVF barra mill-pajjiż.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni attakka din il-liġi fil-bidu ta’ diskussjoni li għaddejja bħalissa fil-Parlament dwar mozzjoni li ressqet l-istess oppożizzjoni biex jiġi emendat l-avviz legali li jagħti mitt siegħa leave lil kull min ikun għaddej minn dan it-trattament fosthom koppji lesbjani.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara li ma kienx se jagħti vot ħieles lid-deputati tal-oppozizzjoni minkejja li fil-kampanja għall-ħatra ta’ kap, kien stqarr li fuq kwistjonijiet ta’ moralità kien se jagħti vot ħieles.
Il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li kienet waħda mill-ewwel passi li ħa Adrian Delia bħala kap, qajmet dwejjaq ġdid fil-grupp parlamentari nazzjonalista tant li sal-bieraħ stess id-deputat Nazzjoanalista Therese Comodini Cachia qalet li kienet lesta li tmur kontra l-linja tal-partit u tivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
Fil-fatt Comodini Cachia mhux biss qed tikkontesta lill-kap Nazzjonalista fuq il-prinċipji izda anke fuq l-argumenti legali li qed iġib.
B’reazzjoni, il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne saħaq li din hija kwistjoni ta’ prinċipju u jekk il-politiċi għandhomx jidħlu fil-ħajja privata tan-nies.