Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis żaru l-uffiċini l-ġodda tal-FITA, il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija u l-Informatika li hija responsabbli li tara li jkun hemm aċċessibilità għal servizzi u inizjattivi marbuta mal-ICT madwar pajjiżna. Dan qed iseħħ permezz ta’ servizzi online b’kollaborazzjoni ma’ msieħba kif ukoll permezz ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ.
Bħalissa, l-FITA qed tiffinalizza xogħol li qed isir fuq pjattaforma online bl-isem ta’ SPOT. Il-proġett SPOT, li huwa possibbli permezz ta’ ħidma konġunta bejn Vodafone Malta Foundation u l-FITA, għandu l-għan li jipprovdi aċċess għal servizzi online lil persuni b’diżabbiltà, hekk kif kulħadd għandu bżonn jagħmel dan xi darba jew oħra. Permezz ta’ SPOT kull mingħandu bżonn dawn is-servizzi se jkun jaf fejn għandu jfittex.
Waqt iż-żjara, is-Segretarji Parlamentari Silvio Schembri u Anthony Agius Decelis iltaqgħu mal-voluntiera li qed jieħdu sehem fil-proġett SPOT. Il-grupp inkluda individwi b’diżabilitajiet diversi li analizzaw l-aspetti ta’ użu u aċċessibilità li toffri din il-pjattaforma.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri rringrazzja lill-FITA għax-xogħol siewi li qiegħda tagħmel biex timplimenta l-proġett SPOT. ‘Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-aċċessibilità li effettivament din hi ħolma li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin nersqu qrib lejha’, qal Silvio Schembri.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis saħaq fuq l-importanza tat-taħriġ fil-qasam tad-diżabilità. Hu semma kif dan, flimkien mal-inklussività u l-aċċessibilità, huma fundamentali fis-soċjetà tagħna. Hu qal li qegħdin isiru diversi proġetti fejn hu importanti li l-politiku ma jaħdimx waħdu, iżda b’diskussjoni mal-persuni b’diżabilità li jafu iktar minn kulħadd x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom. Huwa qal ukoll li hu importanti wkoll li d-diskussjoni tinvolvi wkoll lill-familjari u lil dawk li jieħdu ħsieb lil persuni b’diżabilità.
Matul iż-żjara fl-uffiċini tal-FITA f’Gattard House huma ltaqgħu ma’ uħud mill-ħaddiema. L-uffiċini l-ġodda joffru spazju aħjar biex il-FITA tkun tista’ twettaq il-proġetti tagħha bħall-kamra multi-purpose li toffri servizzi tal-ICT li l-FITA toffri flimkien mal-NGO għal persuni b’diżabilità ADVICE. Hawnhekk saret demostrazzjoni ta’ kif jaħdem ċertu apparat li jgħin persuni b’diżabiltajiet differenti jkollhom ħajja indipendenti. Minn barra dan, il-FITA għandha ħaddiema li jaħdmu permezz ta’ teleworking li kollha huma responsabbli għal xi tip ta’ servizz bħal taħriġ fl-ICT, żvilupp ta’ software, u sessjonijiet ta’ konsultazzjoni.