Tipprova kemm tipprova biex idawwar il-fatti, il-fatt jibqa’ li meta ġie ċ-ċans, Dr Roberta Metsola iddeċidiet li bil-vot tagħha tipproteġi lill-Gvern tal-Partit Popolari Ewropew fl-Ungerija. B’referenza għall-kummenti ta Dr Roberta Metsola, l-MPE tal-PN, infakkar li l-azzjonijiet huma aktar b’saħħithom mill-paroli.
Fi stqarrija maħruga l-bieraħ, Metsola ippruvat tiddefendi l-vot li ħadet 13-il jum biss ilu, fis-sitta ta’ Novembru, biex ma tintbgħatx delegazzjoni fl-Ungerija biex tinvestiga r-Rule of Law fil-pajjiż.
Il-MPE tal-PN qed tipprova taljena liċ-ċittadini Maltin minn dan il-vot li ttieħed fil-kumitat tal-Lberitajiet Ċivili, liema vot huwa ippubblikat uffiċjalment.
Filwaqt li sejħet il-missjoni sabiex jiġu eżaminati l-fatti f’Budapest bħala ‘vjaġġ’, Dr Metsola argumentat li l-MPE kien se jkollhom jivvjaġġaw fi żmien mhux magħruf. F’attentat iddisprat biex tiġġustifika dak li mhuwiex ġustifikabli, l-MPE tal-PN qalet ukoll li l-vot kien se jsarraf biex ir-rapport idum ma jiġi ffinalizzat u li l-PPE pprefera jsaqsi rappreżentanti tal-Ungerija biex imorru fi Brussel.
L-elezzjonijiet fl-Ungerija, bħallissa taħt Gvern affiljat mal-PPE, jinsabu fil-viċin.
Dak li Metsola ma semmietx huwa li d-delegazzjoni fl-Ungerija, kienet missjoni bil-għan li tinvestiga u tfittex il-fatti dwar ir-Rule of Law, fid-dawl ta’ reżoluzzjoni riċenti fil-Parlament Ewropew dwar l-Ungerija biex jiskatta Artiklu 7. Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea jipprovdi mekkaniżmi biex jiġu infurzati l-valuri tal-Unjoni Ewropea.
Bil-vot riċenti, l-MPE tal-PPE, inkluż Roberta Metsola, riedu jaċċertaw ruħhom li l-ebda delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ma tintbgħat l-Ungerija biex tinvestiga r-Rule of Law taħt il-Gvern Ungeriż (PPE).
In-nuqqas ta konsistenza u ipokrezija sfaċċata huma ċari kristall. Dan huwa biss każ ieħor ta’ two weights, two measures. Il-paroli faċli, imma l-azzjonijiet, jew f’dan il-każ il-voti, b’saħħithom aktar mill-paroli.