Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li l-gvern se jkompli jmur iġib ix-xogħol anke jekk il-Fond Monetarju Internazzjonali nnota li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb u se tibqa’ fost l-iktar li jikbru fl-Ewropa.
“Dan hu inċentiv biex inġibu iktar xogħol. Għax iktar xogħol ifisser pagi aħjar. Ifisser li bħala pajjiż naffordjaw iktar affarijiet,” qal il-Prim Ministru meta kien qed jitkellem f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio.
Fakkar kif din il-ġimgħa kien l-Ażja biex iġib iktar xogħol u jiltaqa’ mal-investituri.
“Minkejja li l-pajjiżna, kif qalet l-IMF, miexi tajjeb ħafna u Malta se tibqa’ fost l-iktar pajjiżi li javvanzaw, aħna ma nistgħux nieqfu,” żied il-Prim Ministru.
Irrefera wkoll għal summit dwar l-impjiegi li attenda għalih u kif pajjiżi oħra kienu interessati f’dak li għamlet Malta biex irnexxiet, fosthom il-miżura taċ-child care b’xejn li waslet biex iktar nisa ħarġu fid-dinja tax-xogħol bil-pajjiż kważi jilħaq il-mira Ewropea ta’ 60%. Innota wkoll kif il-gvern għandu enerġija enormi u n-numru kbir ta’ inizjattivi li qegħdin jittieħdu huma xhieda ta’ dan.
Fost oħrajn semma l-fatt li tħabbru bidliet li se jirregolaw is-settur tal-homeworkers u saħaq li din hija realtà li ilha injorata għal snin sħaħ.
“Għall-ewwel darba għandna liġi li tirregolahom. Ifisser li min qed iħaddimhom għandu rasu iktar mistrieħa u min qed jaħdem għandu d-drittijiet iktar imħarsa,” qal il-Prim Ministru.
Irrefera wkoll għall-abbozz ta’ liġi dwar il-midja u kif dan itejjeb fuq dak propost diġà. “Issa pajjiżna se jkollna liġi dwar il-media li tiġbor il-kunsens ta’ kulħadd,” qal Joseph Muscat li żied li ċertu kritika trid tittieħed f’kuntest bħal meta jkun hemm min f’25 sena m’għamel xejn u issa jikkritika.
Mistoqsi dwar l-attitudni negattiva tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-fora Ewropea u f’Malta l-Prim Ministru qal li “l-iktar importanti xi jħossu n-nies f’darhom.”
Irrefera għall-maġġoranza silenżjuża li kienet qed tosserva dak li jiġri u tieħu d-deċiżjonijiet tagħha.
“Jiena nemmen li l-maġġoranza silenzjuża tappoġġja l-mod kif il-gvern jiffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli billi jgħaqqad dejjem iktar. It-test veru jkun meta mhux il-pajjiż ikun ward u żahar imma meta jkun hemm sfida,” qal Joseph Muscat li tenna li l-Oppożizzjoni għandha tifhem li l-poplu warrab l-istil negattiv tagħha.