Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa ħareġ qatta’ bla ħabel kontra l-Partit Nazzjonalista u qal li bħalissa fil-partit hemm dik li sejjaħ bħala black politics – politika sewda.
Casa qal dan waqt li s-Sibt kien qed jintervjeni f’diskussjoni inidirazzata mill-MEP tal-Partit Popolari Ewropej Monica Mocovei.
L-ewroparlamentari Nazzjonalista li din il-ġimgħa rtira l-kandidatura tiegħu għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali wara li safa maħdum mill-fazzjoni ta’ Delia, staqsa lil Mocovei għal parir tagħha dwar kif twaqqaf dik li sejjaħ bħala politika sewda;
Qal li kien jinsab imħasseb ħafna dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Waqt li kif mistenni attakka lill-Partit Laburista li skont hu heddidha wara l-elezzjoni, huwa dawwar il-kanuni fuq il-Partit Nazzjonalista.
Qal li wara l-elezzjoni Caruana Galiza ġiet mhedda mill-Partit Nazzjonalista. “Anke l-partit tiegħi abbandunaha u pponta s-swaba’ lejha minħabba l-kritika tagħha. Il-politika s-sewda ma teżisthiex biss fil-Partit Laburista, qiegħda fil-partiti kollha. Kif irridu naħdmu biex nassiguraw li nwaqqafuhom u nkomplu dak li bdiet hi”, qal Casa b’referenza ċara għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Tul il-kampanja għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, m’għadditx ġurnata li l-blogger Daphne Caruana Galizia ma kkritikatx bl-aħrax lil Delia.
Fost oħrajn akkużatu li daħħal eluf kbar f’kont bankarju f’Jersey minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho u li kellu dejn li jlaħħaq is-€7.5 miljun dejn. B’reazzjoni għal dawn l-allegazzjonijiet, Delia għajjarha biċċa blogger u fetħilha ruxmata libelli li spiċċa rtirhom f’anqas minn 48 siegħa wara l-qtil tagħha.
Kif mitenni għal-laqgħa tal-bieraħ kienu preżenti biss deputati u uffiċjali Nazzjonalisti li jagħmlu parti mill-fazzjoni tal-ex Kap tal-PN Simon Busuttil.